- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Kollox għall-aħħar partita wara logħba stupenda

Posted By sportinmalta1 On April 27, 2014 @ 11:39 pm In Basketball,Featured | No Comments

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA IRĠIEL – FINALI

minn Colin Schembri

A to Z Electronics Athleta 96

Bupa Luxol 98

(26-19)(15-25)(21-19)(21-20)(13-15)

Il-basketball lokali llum reġa’ pprovda spettaklu lil pubbliku preżenti fil-padiljun nazzjonali f’Ta’ Qali fir-raba’ partita mill-finali tal-kampjonat Bank of Valletta tal-ewwel diviżjoni tal-irġiel bejn AtoZ Electronics Athleta u Bupa Luxol. F’partita ta’ 45 minuta, kienu Bupa Luxol li b’qalb kbira sfurzaw il-ħames partita wara li ħarġu rebbieħa 98-96. Fl-isbaħ partita tal-istaġun rajna żewġ timijiet li ma ċedewx pulzier bil-Luxol jiggranfaw ma’ Samuel Deguara bit-43 punt u 33 rebound tiegħu speċjalment meta l-Amerikan Micheal Myres Keitt spiċċa fouled out fl-ewwel minuta tal-ħin barrani. Però s-sehem taż-zgħażagħ CJ Cordina u Andrew Micallef Trigona wkoll kienu strumentali f’din ir-rebħa. Athleta wkoll kellhom wirja stupenda speċjalment it-trio David Bugeja, Chad Patus u Omar Said li bejniethom għamlu 80 punt mis-96 finali u l-ħames assists kull wieħed ta’ Michael Naudi u Steve Schembri. Il-ħames partita issa ssir nhar il-Ħamis 1 ta’ Mejju u hija deċisiva għar-rebħ tal-kampjonat. Wara li Luxol għamlu l-ewwel żewġ baskets minn Cordina u Nikola Vasovic, Athleta wieġbu bi tlett baskets minn Patus, Bugeja u Said. Myres Keitt kellhu trippla għal Luxol però Athleta wieġbu bi break sabiħ ta’ 17-4 b’żewġ trippli ta’ Schembri flimkien ma’ Said u Bugeja. Luxol naqqsu d-distakk bi tlett baskets minn Myres Keitt u Deguara iżda Schembri kellhu trippla oħra biex Athleta temmew l-ewwel sessjoni 26-19 minn fuq. Fit-tieni perjodu Luxol naqqsu d-distakk hekk kif wara li Athleta għamlu żewġ baskets konsekuttivi, huma għamlu break ta’ 10-3 li temmewh bi trippla ta’ Deguara biex waslu sa’ basket ‘l bogħod 31-33 fis-seba’ minuta. Luxol marru fuq quddiem wara trippla ta’ Myres Keitt però Patus wieġeb immedjatament bi trippla oħra. Deguara għamel l-aħħar żewġ baskets qabel l-intervall biex Luxol daħlu jistrieħu 44-41 minn fuq.

Fit-tielet taqsima l-partita kompliet tisbieħ hekk kif Athleta kellhom il-punti ta’ Said u trippla ta’ Bugeha bil-Luxol iwieġbu permezz ta’ Deguara u Myres Keitt. Trippla ta’ Said poġġiet lil Athleta minn fuq 55-52 fis-seba’ minuta u żiedu l-vantaġġ permezz ta’ Patus. Ir-risposta ta’ Luxol waslet bi break ta’ 9-1 b’żewġ baskets importanti ta’ Micallef Trigona biex baqgħu punt minn fuq 63-62. Fil-bidu tar-raba’ taqsima ż-żewġ timijiet baqgħu mwaħħlin ma xulxin hekk kif kien hemm baskets fuq kull naħa u f’nofs it-taqsima kellna partita 71-71. Athleta marru erbgħa minn fuq 75-71 wara punti minn Said u Patus u sa’ żewġ minuti mit-tmiem kabbru l-vantaġġ għal seba’ punti 83-76 wara trippla minn Schembri. Hawn Luxol għamlu l-aħħar sforz inkorraġiti mill-partitarji tagħhom u mill-coach John Tabone u ġew lura b’basket minn Myres Keitt, trippla ta’ Cordina u kien Deguara li ġab l-iskor indaqs 83-83 wara erba’ offensive rebounds konsekuttivi. Kien għad fadal 22 sekonda u Athleta kellhom il-pusess u żammewh sat-tmiem però ma rnexxielhomx jagħmlu l-basket tar-rebħa biex il-partita marret fil-ħin barrani. Hawn Athleta reġgħu ħadu l-vantaġġ bi trippli ta’ Said u punti ta’ Naudi. Luxol tilfu wkoll lil Myres Keitt bil-ħames foul però bil-punti ta’ Deguara, Micallef Trigona u l-captain Marco Mercieca ġabu l-iskor indaqs 90-90. Deguara kellhu żewġ free-throws biex poġġijhom minn fuq iżda n-naħa l-oħra kien hemm basket ta’ Patus li ġie mħassar bl-istess player ikollhu l-free-throws u jagħmel tnejn minn tnejn. Fl-aħħar minuta kien hemm sitt punti ta’ Luxol minn Deguara, Micallef Trigona u Vasovic u minkejja li Said għamel ir-raba’ trippla tiegħu din ma kienitx biżżejjed u Luxol żammew il-vantaġġ strett tagħhom fl-aħħar sekonda biex rebħu l-partita 98-96. Kollox issa jrid jiġi deċiż fl-aħħar partita u nħeġġu lil pubbliku sportiv biex jattendi għall-kapitlu finali ta din is-serje fantastika.

AtoZ Electronics Athleta: M. Naudi 2, D. Bugeja 24, C. Patus 29, W. Spiteri, O. Said 27, S. Pace, K. Baldacchino, D. Ross, S. Bischoff, S. Schembri 14.

Bupa Luxol: C.J. Cordina 7,  M. Mercieca 3, A. Micallef, N. Andrejevic, J. Willoughby, N. Vasovic 8, J.P. Bonnici, M. Myres Keitt 27, A.Micallef Trigona 10, S. Deguara 43, S. Capello.

Referees: Bernard Vassallo, Clive Terribile, Teemu Helenius.

Statistika…

Athleta

Free throws – 13 on 20

Baskets – 25 on 42

Three pointers – 11 on 28

Rebounds – 46

Assists – 21

Turnovers – 20

Steals – 11

Fouls Suffered – 24

Fouls Made – 22

Luxol

Free throws – 14 on 19

Baskets – 36 on 71

Three pointers – 4 on 14

Rebounds – 48

Assists – 18

Turnovers – 14

Steals – 9

Fouls Suffered – 22

Fouls Made – 24


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/kollox-ghall-ahhar-partita-wara-loghba-stupenda/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.