KMS Skolasport joffri taħriġ tat-Triathlon permezz tal-Malta Triathlon Youth Academy

Wednesday, April 29, 2015, 18:32

It-Triathlon hi dixxiplina Olimpika li tinvolvi taħlita ta’ dixxiplini separati b’dawn ġeneralment ikunu l-għawm, ċikliżmu u ġiri. L-atleti jikkompetu bejniethom biex jiksbu l-aħjar ħin, b’‘tranżizzjonijiet’ bil-ħin bejn it-tlielaq tal-għawm, bir-rota u l-ġiri. Il-programm KMS Skolasport, sponsorjat minn Kellogg’s, qed joffri l-atleti li qed jaspiraw f’din id-dixxiplina l-opportunità li jitħarġu u jtejbu l-ħiliet tagħhom permezz tal-kollaborazzjoni li KMS għandu mal-Malta Triathlon Youth Academy.

Il-President tal-Malta Triathlon Federation, Cyprian Dalli, qal: “Sentejn ilu, il-Malta Triathlon Federation nediet proġett ġdid mal-European Triathlon Union u l-KMS biex tagħti bidu għall-ewwel akkademija tat-Triathlon f’Malta. Minn dak iż-żmien ‘l hawn komplejna nikbru u nissaħħu. Ma’ kull sena, il-klassijiet tal-KMS Skolasport qed jiġbdu iktar parteċipanti żgħar li għall-ewwel darba qed jitħarġu f’din id-dixxiplina eċitanti.”

Imwaqqfa fl-2013, il-Malta Youth Triathlon Academy għandha l-għan li tipprovdi sessjonijiet ta’ taħriġ strutturati minn kowċs kwalifikati li jiggwidawhom skont l-età u l-abbiltajiet tagħhom. Is-sessjonijiet tat-Triathlon tal-KMS Skolasport huma maqsumin f’żewġ programmi: Grassroots (etajiet bejn is-6 u 13-il sena) u Performance (etajiet bejn l-10 u 15-il sena).

Kelliem għall-Kellogg’s qal: “KMS Skolasport toffri lit-tfal firxa wiesgħa ta’ dixxiplini sportivi u faċilitajiet biex tinkoraġixxihom ikunu iktar attivi, jieħdu pjaċir jipprattikaw sport u, b’riżultat t’hekk igawdu minn stil ta’ ħajja li hu tajjeb għas-saħħa. Hu propju għalhekk li Kellogg’s ilu jisponsorja lil KMS Skolasport għal dawn l-aħħar 15-il sena konsekuttiva.”

Il-Kunsill Malti għall-Isport ser ikun qed iniedi l-programm tas-sajf, ‘Summer on the Move’ fil-jiem li ġejjin.

Għal iktar tagħrif dwar il-klassijiet tat-Triathlon wieħed jista’ jikkuntattja lis-Sezzjoni tal-Programmi fl-uffiċċju ewlieni tal-Kunsill Malti għall-iSport fuq tel. 2203 6000, jew bl-imejl: programmes@sportmalta.org.mt, inkella jżur il-websajt: www.sportmalta.org.mt

Ritratt 1: Marthese Fava, kowċ ma’ KMS Skolasport, qed tipprepara lill-parteċipanti għal sessjoni ta’ taħriġ fl-għawm fil-Kumpless Sportiv Tal-Qroqq.

Ritratt 2-3: L-atleti ż-żgħar tat-Triathlon qed jitħarġu biex itejbu l-ħiliet tagħhom fil-ġiri u ċikliżmu.





Leave a comment