KickBoxing: Suċċessi għal Team Malta

Saturday, December 6, 2014, 12:49

Matul Gladiators Night 9 kien hemm spettaklu mill-aħjar atleti Maltin li affaċċaw atleti Taljani. Minn 12 il-taqbida Malta rebħet tmienja. Fejn tlieta minnhom kienu għaċ-Ċinturin tat-Titlu Internazzjonali tal-Gladiators Promotions.

 

Quddeim sala mimlija spettatrui l-għajnen kienu kollha ffukati fuq taqbidiet tal-Kickboxing, K1 u Boxing. Dawn it-taqbidiet ġew sanzjonati mill-World kickboxing Network (WKN) u l-Malta Boxing Association (MBA). Waħda mit-taqbidiet tal-Kickboxing kienet għaċ-Ċinturini tat-Titlu Nazzjonali.

 

Daniel “the Jet” Zahra, minn Team Noel, taqbad ma’ Samuel Hazima mis-Slovakkja f’taqbida ta’ 3×3 bir-regoli tal-K1. Kienet taqbida kollha azzjoni fejn iż-żewġ atleti baqgħu jattakkaw sal-aħħar. Zahra qagħad idur mal-avversarju u meta jsib il-ftuħ jidhol għall-punt u bosta drabi b’irkoppa għar-ras. Hazima ma kienx bin-nieqes fejn baqa’ jagħmel kontrattakk fuq ieħor. Kienet id-deċiżjoni tal-ġurija li tat ir-rebħa lil Zahra.

 

Tyrone “el Terribile” Borg, minn Fight Factory, kellu taqbida Boxing ta’ 6×3 kontra Nando Calzetta mill-Italja. Borg beda jieħu l-kontroll tar-ring il-ħin kollu filwaqt li Calzetta beda jdur biex jikseb id-distanza. Kemm-il darba l-atleta Malti tefa’ lill-avversarju mal-ħbula biex jibda jieħu l-punti. Min-naħa tiegħu t-Taljan irnexxielu jaħrab mill-għafsa ta’ Borg u jibda jdur mar-ring. Kienet deċiżjoni diffiċli għall-ġurija imma fl-aħħar ir-rebħa ngħatat lil Borg bil-punti.

 

Brandon “Boġon” Borg, mill-Art of Fighting, taqabd ma’ Omar de Domenico mill-Italja f’taqbida ta’ 4×2 bir-regoli tal-K1 għaċ-Ċinturin Internazzjonali. Borg beda jżomm il-pressjoni mill-bidu net u l-avversarju tiegħu beda jagħmel l-istess. Kull taqsima kienet botta u risposta bla waqfien imma kien fir-raba’ taqsima li Borg laqat lil Domenico b’irkoppa fl-istonku u jniżlu fuq it-tapit. Wara li l-arbitru għadd sal-għaxra l-atleta Malti rebaħ it-taqbida b’KO.

 

Melvin Fenech, minn Team Noel, rebaħ lil Darren Scerri fir-rematch ta’ 3×2 għat-Titlu Nazzjonali. Iż-żewġ atleti kienu tal-istess livell fejn bdew jattakkaw b’tekniki differenti. Imma kien fl-aħħar taqsima li Fenech daħħal il-punti bi Spinning Back Fist u b’hekk jassigura r-rebħa u ċ-Ċinturin.

 

L-atleti l-oħrajn ta’ Team Malta li rebħu fil-K1 kienu Courtney Vella, Team Noel, b’KO fit-tieni taqsima,

Fil-Kickboxing kien hemm Keith Azzopardi, Art of Fighting.

Fil-Boxing kienu Melek Alzanat, Browns Boxing b’KO fl-ewwel taqsima, Richard Vella, b’KO fit-tieni taqsima u Garth Galea b’KO fit-tielet taqsima, mill-Fight Factory.

 

L-atleti Maltin li tilfu t-taqbida tagħhom kienu Ruben Azzopardi, Brandon Spiteri, Keith Micallef, u Christian Schembri.

 

It-tliet “supporting bouts” tal-Kickboxing intrebħu minn Tehon Camilleri, mill-New Kickboxing Club, Joshua Sciarrino, minn Team Noel, u Shaun Falzon, mill-Art of Fighting.





Leave a comment