“Kburin li aħna Maltin”

Thursday, September 12, 2013, 12:12

Minn  Stephen Azzopardi

“Kburin li aħna Maltin” – din kienet l-għajta tal-partitarji Maltin li ġew bi ħġarhom f’Ta’ Qali u reġgħu raw wirja qalbenija oħra minkejja li tlifna bl-iskor ta’ 2-1 kontra l-Bulgarija.  Il-Maltin sa’ mill-bidu kellhom ċ-ċansijiet li jiftħu l-iskor permezz ta’ ġirja tajba ta’ Michael Mifsud li qassam lil Edward Herrera u dan ta’ l-aħħar ra l-ballun tiegħu jgħaddi minn quddiem il-lasta.  Ftit sekondi wara Andre Schembri jagħti ballun lejn Andrei Agius li b’daqqa ta’ ras il-ballun għadda mal-lasta.  Fit-tmien minuta l-Bulgari fetħu l-iskor permezz ta’ Dimitrov li għeleb lil Justin Haber meta dan ipprova jilqa b’id waħda u minflok tefa l-ballun fix-xibka.

Il-Maltin wara ftit tal-ħin mhux ħażin reġgħu ġabru l-forzi.  Frikik ta’ Failla li ġegħel lil gowler Mihaylov ixellef il-ballun megħjun mill-lasta.  Azzjoni ferm sabiħa meta Schembri rċieva l-ballun mingħand Herrera, għadda tajjeb minn bejn għadd ta’ plejers Bulgari u mix-xutt tiegħu l-ballun laqat il-lasta.  Id-difiża Maltija baqgħet hemm minkejja li Milanov, Gargarov u Nedelev ippruvaw iħabbtuha iżda sabu lil Haber lest għalihom.

Fit-tieni taqsima l-Bulgari rrduppjaw l-iskor wara siegħa logħob permezz ta’ Gargarov.  Il-Maltin ma qatgħux qalbhom wara dan il-gowl b’Mifsud jara x-xutt tiegħu mwaqqaf minn difensur Bulgaru.

Fit-68 minuta, Schembri għadda tajjeb minn bejn diversi plejers tefa’ ballun lejn Mifsud bix-xutt tal-aħħar li spiċċa f’corner.  Il-Maltin għajjtu għal penalty meta Nikolay Bodurov waqqa’ lil Schembri li kien ġej bil-ġirja iżda r-referee Rumen Alexandru Tudor ħalla l-logħob għaddej. Ghedin wettaq żewġ tibdiliet bl-inklużjoni ta’ Ryan Fenechminflok Clayton Failla u Terence Vella minflok Michael Mifsud.  Vella mill-ewwel ħalla l-marka tiegħu meta kien hu li ta l-ballun lil Herrera li għeleb lil Mihajlov u tefa lil Maltin f’dilirju ta’ ferħ.

 Il-partitarji Maltin baqgħu jinċitaw u jagħmlu l-kuraġġ lit-tim Malti sal-aħħar.  Il-plejers Maltin ħaqqhom kull ringrazzjament tal-grinta li wrew u baqgħu jissieltu b’rashom mogħlija anki meta l-pressjoni Bulgara kienet fl-aqwa tagħha.

Intant ilbieraħ ukoll it-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 f’Ateni tilef bl-iskor ta’ 5-0 kontra t-tim nazzjonali Grieg.





Leave a comment