Kayak for Charity b’kollaborazzjoni ma’ Karibu! Malta għal qadfa ta’ solidarjeta’

Saturday, September 24, 2016, 14:10

Gavin Muscat

Il-ħames qaddiefa ta’ Kayak for Charity: Dorian J. Vassallo, Albert Gambina, Michael Farrugia, Alan Borg u Renato Brincat, din il-ġimgħa se jkunu qed jagħmlu qadfa ta’ 75km madwar Malta bħala ġest ta’ solidarjeta’. Il-flus miġbura se jingħataw lil Karibu! Malta sabiex ikun jista’ jseħħ il-proġett li hemm ippjanat għall-2017 għar-raħal ta’ Mbaoni fid-djocesi ta’ Malindi ġewwa l-Kenja. Minkejja li l-qadfa mistennija tieħu bejn 12 u 14-il siegħa, il-qaddiefa ilhom għal bosta ġimgħat jippreparaw għaliha u jinsabu entużjasti sabiex jagħmlu din l-isfida għal għan nobbli li tibda u tintemm ħdejn l-Al-Fresco Restaurant, f’Birżebbugia.

Permezz tal-isports dawn il-qaddiefa se jikkontribwixxu għall-bini ta’ skola għat-tfal li se tkun iffinanzjata u mibnija minn Karibu! Malta. Karibu! Malta hija organizzazzjoni żagħżugħa li torganizza numru ta’ attivitajiet varji sabiex jinġabru fondi għal proġetti edukattivi u li jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja ta’ dawn it-tfal li qed jgħixu f’faqar assolut. Intant, l-iskola f’Mbaoni se tkun l-ewwel waħda f’dan il-post għaliex dik li għandhom bħalissa hija magħmula minn sempliċiment zkuz u ħamrija. Minkejja li l-istudenti li jattendu ingħatatilhom uniformi, meta jmorru l-iskola huma jkollhom joqogħdu bil-qiegħda mal-art u jiktbu fuq irkopptejhom għaliex m’għandhomx bankijiet tal-iskola.

Għalhekk, sabiex Karibu! Malta jirrikonoxxi l-isforz u l-ġest nobbli ta’ dawn il-qaddiefa, filwaqt li jirringrazzjahom tad-donazzjoni tagħhom, se jsir riċeviment fit-23 ta’ Settembru 2016 ġewwa l-Al-Fresco Restaurant bl-isem Karibu! goes Kayaking for Charity (The 3K Challenge). Min huwa interessat li jingħaqad magħna għal din is-serata jista’ jżur il-paġna ta’ facebook kemm ta’ Karibu! Malta: facebook.com/karibumalta/ u kif ukoll tal-Kayak for Charity: facebook.com/KayakForCharity/ biex jikseb iktar dettalji.

Għal aktar informazzjoni dwar dan il-proġett u attivitajiet oħra simili fejn jiltaqa’ l-grupp Karibu! Malta bil-għan li jinġabru fondi għall-proġetti fil-missjoni, ġentilment mitlub li tibgħat email fuq karibumalta@gmail.com. Dawk li huma interessati li jagħmlu esperjenza ta’ volontarjat ġewwa l-Kenja sabiex jitwettqu dawn il-proġetti, jistgħu jżuru dan is-sit – facebook.com/karibumalta/ .

The 3K Challenge

Training session on 15th September 2016





Leave a comment