Karozza tat-tlielaq stil Formula waqt il-festival Xjenza fil-Belt

Saturday, September 7, 2013, 9:54

Dilettanti tal-karozzi u tat-tlielaq ser ikollhom esperjenza sabiħa li jaraw karozza tat-tlielaq stil Formula nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Settembru 2013 fil-belt Valletta mis-6pm il-quddiem. Din il-karozza tat-tlielaq ser tkun għall-wiri waqt il-festival ‘Xjenza fil-Belt’ (Science in the City) ta’ din is-sena. Esposta ħdejn Bieb il-Belt, il-karozza nbniet fl-2007 u anki kkompetiet fi Fiorano, l-Italja. Karozza simili imma kompletament ġdida ser tinbena minn tim ta’ studenti fix-xhur li ġejjin. Din ser tieħu sehem fil-kompetizzjoni internazzjonali ‘Formula Student’ f’Silverstone.

Grupp ta’ studenti universitarji, li għal qalbhom il-karozzi u l-inġinerija, ngħaqqdu f’assoċjazzjoni li jisimha University of Malta Racing (UoMR). Dawn ser ikunu preżenti f’Bieb il-Belt biex jispjegaw l-iżviluppi l-ġodda fid-disinn u kif taħdem. Il-membri tal-UoMR jiddedikaw għadd ta’ sigħat kull ġimgħa għar-riċerka, disinn, bini u tlielaq bil-karozza stil Formula, bil-għan li jkunu jistgħu jirrappreżentaw lil Malta u lillUniversità barra minn pajjiżna.

“Qed niffaċċjaw żewġ sfidi: il-karozza trid tkun mhux biss mibnija teknikament tajjeb iżda trid tkun ekonomikament vijabbli biex tkun immanifatturata fuq skala kummerċjali. Dan ifisser li jrid ikun bilanċ bejn spejjeż realistiċi u standard għoli ta’ kwalità. Din l-isfida iebsa tinvolvi riċerka u żvilupp estensiv, speċjalment għall-fatt li hemm madwar 120 università oħra minn madwar id-dinja li qed jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni,” qal Leonard, li hu membru tat-tim tal-UoMR.

“Din ser tkun it-tieni esperjenza għall-Universita’ ta’ Malta fil-kompetizzjoni Formula Student. Ser inkunu qed inqabblu l-kapaċitajiet tal-karozza tagħna ma’ dawk minn pajjiżi oħra. Nixtiequ li l-istudenti universitarji li jiġu warajna jkomplu jieħdu sehem f’din l-isfida sena wara l-oħra u b’hekk jibnu fuq it-tagħrif tal-preċedessuri tagħhom ħalli kull ma jmur dejjem itejjbu aktar il-prestazzjoni tal-karozza,” kompla Denis, membru ieħor tat-tim UoMR.

Il-viżitaturi se jkollhom l-opportunita’ li jsuqu simulatur speċjali li nbena apposta. Għal donazzjoni żgħira li se tmur għal kawża ġusta, il-viżitaturi se jkollhom iċ-ċans li jirbħu opportunita’ ta’ darba f’ħajjithom: dik li f’Diċembru 2013 jirkbu f’supercar waqt “Paqpaqli għall-Istrina”. Aktar tagħrif jinkiseb minn fuq Facebook fil-paġna ‘University of Malta Racing’

L-UoMR jirringrazzjaw lill-partners tagħhom: OKMalta.com, Trelleborg Sealing Solutions,Adpro Instruments, Alarm Tech, G Molton, Seifert mtm Systems, Scan Malta, Storm Design,Cycle World, Print It, SKF, u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Il-kollaboraturi tal-UoMR huma l-RIDT, il-Malta Chamber of Commerce, u l-Università ta’ Malta.

Il-festival ‘Xjenza fil-Belt’ jifforma parti minn attività pan-Ewropea imsejjħa ‘Researchers’ Night’(Lejl ir-Riċerkaturi). Dan il-festival isir kull sena biex jipprovdi opportunità lill-kbar,żgħażagħ u tfal ħalli jinvolvu ruħom b’mod kreattiv u divertenti fix-xjenza.

Mis-6.00pm ’il quddiem, it-toroq ewlenin tal-belt Valletta u numru ta’ postijiet ser ikunu qed joffru avvenimenti xjentifiċi interattivi, stallazzjonijiet ta’ street art, arti bi graffiti,kunċerti mużikali, wirjiet tal-arti, avvenimenti għat-tfal, esperimenti live, taħdidiet, u zoni ta’ teknoloġija. Il-pubbliku qed ikun mistieden jieħu u jesperjenza l-arti u x-xjenza.

Il-festival ‘Xjenza fil-Belt’ għandu l-appoġġ tal-Programm EU FP7 u tal-Malta Arts Fund. L-avveniment hu kkoordinat mill-Fond tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta (RIDT) u lMalta Chamber of Scientists, bi sħab mal-Kunsill Lokali tal-belt Valletta, MEUSAC, isSegretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, MCST, il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, Where’s Everybody, PBS, Notte Bianca, iCreatemotion, Vodafone, il-Fondazzjoni Valletta 2018, Microsoft Innovation Centre u l-Kavallier ta’ San Ġakbu Ċentru ta’ Kreattività.





Leave a comment