Karozza stil Racing Formula tal-Istudenti Universitarji fil-Belt Valletta

Friday, September 26, 2014, 6:00

Tim ta’ studenti mill-Universita’ ta’ Malta iltaqgħu ħdejn Victoria Gate biex flimkien jippruvaw il-karozza stil ta’ Racing Formula ħalli jippromwovu l-festival Xejnza fil-Belt (Science in the City) li ser isir propju nhar il-Ġimgħa filgħaxija.

L-istudenti mill-Fakulta’ tal-Inġinerija u l-Fakulta’ tal-Ekonomija, Management u Accountancy ingħaqdu fix-xhur li għaddew biex jiddisinjaw, jibnu u jimmanifatturaw il-karozza tat-tlielaq tagħhom għall-kompetizzjoni Formula ATA 2014.

Il-kompetizzjoni saret fl-aħħar ta’ Awwissu fiċ-ċirkwit Riccardo Paletti f’Varano de Melegari f’Parma, l-Italja. Aktar minn 80 universita’ minn madwar id-dinja kollha jieħdu sehem fil-Formula ATA kull sena. Din kienet it-tieni darba li l-Universita’ ta’ Malta ħadet sehem fil-Formula ATA, wara l-ewwel darba fl-2007.

“It-tim ħadem tassew biex itejjeb il-mekkanika tal-karozza għall-2014, u dan kien rifless fir-riżultati overall li nkisbu din is-sena fl-Italja. Id-differenza mill-karozza li ntweriet is-sena l-oħra hi li issa għandna l-karozza tagħna stess tal-tlielaq, li tista’ tinstaq u anke tellqet barra minn Malta,” qal Leonard Agius, PRO tal-UoM Racing.

Dan il-proġett interessanti jsir biex studenti universitarji jitħajjru jistudjaw b’mod attiv is-settur tal-inġinerija u dak tal-karozzi, jużaw l-abiltajiet tagħhom fl-inġinerija, u jaħdmu flimkien bħala tim.

Il-karozza tal-UoM stil tat-tlielaq għall-2014 se tintwera waqt il-festival Xjenza fil-Belt f’Bieb il-Belt. Il-membri tat-tim ser juru lil dawk li jħobbu l-karozzi kif taħdem il-karozza u viżitaturi jistgħu anki jieħdu ritratt fil-karozza tal-ġiri.

It-tim UoM Racing Car jirringazzja lil dawk li tawhom pariri u lill-isponsors, li huma Dr Ing. Maurizio Fenech, Dr Ing. Mario Farrugia, RIDT, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Okmalta.com, Trelleborg Sealing Solutions, Transport Malta, Alarm Tech, Tek-Moulds u kumpanniji u entitajiet oħra.

Il-festival Science in the City – European Researchers’ Night għandu l-appoġġ tal-programm Marie Skłodowska-Curie Action of the Horizon 2020 (H2020) tal-UE. L-attivita’ hi organizzata mill-Universita’ ta’ Malta, l-Kamra Maltija ta’ Xjentisti u RIDT li hu r-Research Trust tal-Universita’ ta’ Malta, bis-sħubija ma’ Karl Borg Events, Studio 7, il-Fondazzjoni Valletta 2018, MEUSAC, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Kunsill Malti Malti għax-Xjenza u Teknoloġija, l-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, l-Kunsill Malti tal-Arti, il-PBS, Notte Bianca, il-Kavallier ta’ San Ġakbu, Lufthansa Technik Malta, General Soft Drinks bil-Coca Cola, Ta’ Mena wines, l-Istitut Kulturali Taljan, u l-British Council.

Il-programm kollu bid-dettalji dwar il-postijiet jistgħu jitniżżlu minn www.scienceinthecity.org.mt

Photocaption: Il-karozza stil Racing Formula tal-UoM tinstaq minn Luke Cini





Leave a comment