Kampjonati Mondjali tas-Snooker 2015 organizzati mill-IBSF

Saturday, November 28, 2015, 10:09

Aktar riżultati pożittivi mill-plejers Maltin fl-Eġittu

Gavin Muscat

Il-plejers Maltin li qed jieħdu sehem fil-Kampjonati Mondjali tas-Snooker li qed isir ġewwa Hurghada, fl-Eġittu kellhom aktar riżultati pożittivi meta tkompla l-logħob mill-fażi tal-gruppi. Is-sitt plejers Maltin kollha qegħdin b’ċans tajjeb li jgħaddu mill-grupp tagħhom qabel il-Kampjonati jkomplu fuq bażi ta’ knock-out minn nhar it-Tnejn li ġejjin.

Fil-kategorija tal-Irġiel, iċ-Champion Malti Alex Borg li qed jilgħab fi Grupp R kiseb it-tieni rebħa tiegħu meta għeleb lill-plejer mill-Eġittu Mohammed Hammouda bl-iskor ta’ 4-2 f’logħba li fiha għamel brejks ta’ 84 u 77. Borg iżda tilef it-tielet logħba kontra Ali Alobaidli tal-Qatar bl-iskor ta’ 4-2 u fiha għamel brejk ta’ 77. Borg illum ma’ jkunx fl-azzjoni iżda għada (is-Sibt) jilgħab kontra Khalid Kamali tal-Emirati Għarab Magħquda(UAE), logħba li tibda fl-10 ta’ filgħodu. Borg bħalissa jinsab fit-tieni post tal-grupp.

Minn Grupp E il-plejer żagħżugħ Malti Brian Cini kompla bil-wirjiet pożittivi tiegħu meta kiseb it-tielet rebħa minn daqstant logħbiet u jinsab fl-ewwel post tal-grupp. Cini għeleb lil Abdul Raouf Saigħ tas-Sawdi Arabja 4-2 bi brejk ta’ 78 waqt li fit-tielet logħba huwa rebah kontra Zargouni Zine El Abidinie tat-Tuneżija bl-iskor ta’ 4-0 fejn kellu brejks ta’ 97, 84 u 76. Cini jerġa’ jkun fl-azzjoni llum il-Ġimgħa fit-3pm meta jilgħab kontra l-Iskoċċiż Gary Thomson.

Minn Grupp V it-tielet plejer Malti li qed jilgħab fil-Kampjonat tal-Irgiel Aaron Busuttil ukoll kompla bil-wirjiet pożittivi tiegħu meta fit-tieni logħba huwa ħareġ rebbieħ bl-iskor ta’ 4-1 kontra l-plejer mill-Iraq Omar Ali fejn irreġistra brejks tajbin ta’ 102, 62, 57 u 56. Fit-tielet logħba huwa iżda safa’ megħlub mill-ex-Champion Mondjali Muhammad Asif tal-Pakistan bl-iskor ta’ 4-2 f’logħba li l-plejer Malti kellu brejk ta’ 53. Busuttil li bħalissa jinsab fit-tieni post fil-grupp tiegħu jerġa’ jkun fl-azzjoni għada s-Sibt fit-3.00pm.

Mill-kategorija tal-Masters fi Grupp L ic-champion lokali tal-Masters Jason Peplow kiseb it-tieni rebha tiegħu minn daqstant logħbiet meta għeleb lil Mohammed Esaam tal-Eġittu 3-0. Peplow jilgħab it-tielet logħba tiegħu għada fl-10am kontra Tom O’Driscoll tar-Repubblika Irlandiza.

Fi Grupp M Simon Zammit ukoll rebaħ iz-żewġ logħbiet li lagħab. Fit-tieni logħba huwa għeleb lill-plejer Ġappuniz Masahiro Harada 3-0 u għamel brejk ta’ 64. Zammit jerga’ jkun fl-azzjoni għada fil-5.30pm kontra Ahmed El Shafey tal-Eġittu.

Mill-istess kategorija Ivan Attard li qed jilgħab fi Grupp N tilef fit-tieni logħba kontra Graham Beardmore bl-iskor ta’ 3-2 fejn kellu brejk ta’ 51. Attard li bhalissa jinsab fit-tielet post fil-grupp jerga’ jkun fl-azzjoni għada fin-12.30pm kontra l-plejer Egizzjan Ibrahim El Makhzangy.

Il-parteċipazzjoni tal-plejers Maltin f’dawn il-Kampjonati qiegħda tkun possibbli grazzi għall-għajnuna mogħtija lill-Malta Billiards & Snooker Association minn Sport Malta u l-Kumitat Olimpiku Malti.

Aktar informazzjoni dwar dawn il-Kampjonati tista’ tinkiseb minn fuq il-websites www.esnooker.pl u www.ibsf.com

 





Leave a comment