Kampjonati Bank of Valletta Bowling taż-żgħażagħ

Friday, November 22, 2019, 9:48

Il-Kampjonati BOV Bowling taż-zgħażagħ spiccaw fi tmiem il-ġimgha, fejn bla dubju spikkat it-taqtigħa fil-kategorija tas-subien ta’ taħt it-23 sena. Is-sitta li kkwalifikaw għall-aħħar fażi kienu Nicholas Muscat, Matthew Magro, Edward Xuereb, Dylan Santillo Dwayne Zahra u Kurt Attard. Wara r-rawnd robin, Muscat, Magro u Xuereb renexxielhom iżommu l-ewwel tlett postijiet.   Xuereb spiċċa għeleb lil Magro biex b’hekk wasal għall-finali kontra Muscat.

L-ewwel logħba intrebħet minn Xuereb, 267-202, biex sforza decider. Din kienet logħba ferm viċina tant li spiċċat fi draw ta 235-235!  B’hekk kellna naraw roll off għall-ewwel darba f’dawn il-kampjonati, b’Muscat fl-aħħar jirnexxielu jirbaħ meritatament hekk kif spiċċa bi tlett strikes wara xulxin.

Sara Xuereb kienet fi klassi għaliha fil-kategorija ta taħt it-23 sena, hekk kif għelbet lil oħtha Raquel fil-finali, biex rebħet it-titlu għas-7 sena konsekuttiva.

Il-kampjonat tas-subien ta’ taħt is-16-il sena intrebaħ wkoll minn Muscat, quddiem Edward Xuereb and Dwayne Zahra. Muscat huwa l-ewwel żagħżugħ Malti li rebaħ iż-żewg titli ta’ taħt is-16 u ta’ taħt it-23 sena fl-istess ħin.

Fis-sezzjoni ta’ taħt is-16 il-sena tat-tfajliet, Ruslana Grima żammet it-titlu li rebħet is-sena l-oħra biex spiċċat quddiem Kathryn Fenech u Mia Bugeja, filwaqt li fil-kategorija ta’ taħt it-tnax-il sena, Kayden Lagana u Karlise Bartolo rrepetew ir-rebħa tas-sena l-oħra. Lagana spiċċa quddiem Nicolai Mallia u Kieran Seguna, b’Bartolo tegħleb lil Celianne Micallef u lil Bugeja.

Ernest Agius, Chief Officer fi ħdan il-Bank of Valletta u Paul Baldacchino, President tal-Malta Tenpin Bowling Association ippreżentaw it-trofej liċ-ċampjins il-ġodda. L-appoġġ tal-Bank of Valletta għall-MTBA tifforma parti mill-impenn tal-Bank lejn il-Komunità li fiha jopera.





Leave a comment