Kampjonat tal-Futsal Malti – X’ġara s’issa …

Wednesday, November 21, 2012, 17:25

minn Andre’ Xuereb

Hekk kif ninsabu f’nofs Novembru, il-Kampjonat Nazzjonali tal-Futsal jinsab fl-aqwa tiegħu bil-parti kbira tat-timijiet li lagħbu l-ewwel ħames partiti tagħhom.

Fil-Kampjonat Premier, bla ebda dubju t-tim rivelazzjoni s’issa kienu Żejtun Corinthians li rebħu erba’ partiti u ġew draw kontra Lija Athletic,tim b’saħħtu ħafna li nemmen li ser jagħti sfida lil kull tim fil-Premier,s’issa skurjaw 30 goal u qalaw sbatax.

Balzan u Hibernians bdew il-kampjonat b’saħħithom ukoll b’wirjiet dominanti u konvinċenti li paxxew l-għajn ta’ kull min segwa l-partiti tagħhom,Balzan s’issa skurjaw b’kollox 37 goal u qalaw ħdax filwaqt li Hibernians skurjaw 36 goal u qalaw tlettax .Balzan rebħu l-St Andrews 8-2, lill-Ħamrun Spartans ta’ Paul Rapa 13-1,6-0 u 4-2 kontra Floriana u Tarxien Rainbows rispettivament u draw ta’ 6-6 f’konfront dirett kontra l-istess Hibernians. Hibernians kellhom rebħiet kbar kontra Ħamrun Spartans u Valletta , rebħa kontra Tarxien Rainbbows immexxija mir-Rumen Gabriel Dobre u rebħa ta’ 5-2 kontra t-tim ta’ Alex Frendo Sliema Wanderers kif ukoll id-draw ma’ Balzan. Balzan u Hibernians jinsabu momentarjament l-ewwel u t-tieni post rispettivament, it-tnejn b’ tlettax –il punt.

Wara rebħa ta’ 7-1 fl-ewwel logħba tal-kampjonat,Lija Athletic fallew il-pass ma’ ta’ fuq ,draw ta’ 5-5 ma’ Żejtun u telfa ta’ 8-5 ma’ Floriana ipoġġuhom momentarjament fir-raba’ post b’ għaxar punti minn ħames logħbiet.

Fl-ewwel diviżjoni l-isfida għal-promozzjoni hija principarjament bejn erba’ timijiet,Qormi,San Gwann,St’Patrick u Melita . Qormi kienu konvinċenti tul l-ewwel ħames partiti tagħhom u rebħu l-partiti kollha bl-aħħar waħda tkun ta’ 10-1 kontra t-tim ta’ Mosta,Qormi huma momentarjament it-tim li skurja l-akbar ammont ta’ goals mill-40 tim tal-erba’ kampjonat,40 goal, kif ukoll it-tim li qala’ l-anqas ammont ta’ goals,9 goals biss.

St’Patrick, jinsabu momentarjament fit-tieni post ,bidu mill-aqwa għal dan it-tim li lkoll għandu asperazzjonijiet ta’ promozzjoni.Rebħiet konvinċenti kontra Marsa,Għargħur,Żurrieq  kif ukoll rebħa ta’ 4-0 kontra Xgħajra T u draw ta’ 4-4 kontra Luqa

San Ġwann,li momentarjament jinsabu  fit-tielet post,bdew il-lig fuq nota tajba b’ erba’ rebħiet minn erbgħa,rebħa ta’ 8-3 kontra Xgħajra Tornados , 5-2 kontra Marsa,7-2 kontra Mosta u 5-1 kontra l-Għargħur, iżda f’ konfront dirett ma wieħed mit-timijiet pretendenti għal-promozzjoni Melita ,soffrew l-ewwel telfa tal-Kampjonat 4-8.

Wara bidu tal-kampjonat xejn pjaċevoli b’telfiet kontra Luqa u Xgħajra,Melita rebħu żewġ logħbiet wara xulxin kontra Mosta u San Ġwann 4-3 u 8-4 rispettivament u telaw momentarjament fir-raba’ post,b’tlett rebħiet u żewġ telfiet

Fit-tieni u t-tielet diviżjoni,iż-żewġ kampjonati huma bilanċjati ħafna,għaldaqstant għadu kmieni wisq biex wieħed jipprevedi l-andament tat-timijiet li jinsabu fil-posizzjonijiet ta’fuq .Fit-tieni diviżjoni Pembroke jinsabu momentarjament fl-ewwel post filwaqt li fit-Tielet Diviżjoni Qrendi huma l-leaders tal-klassifika,segwiti strettament minn  Fgura United u Siġġiewi

Bla ebda dubju tul dawn l-aħħar snin,il-futsal f’Malta għamel avvanż kbir,il-logħob kollu jintlgħab il-Padilljun ta’Raħal Ġdid u d-dħul għal-logħob kollu huwa b’xejn.

Għal aktar informazzjoni dwar fixtures u statistika dwar il-kampjonati kollha tal-futsal Malti,wieħed jista jżur is-sit elettroniku http://www.fma.com.mt/ .

 

 





1 Comment

  1. Stephen Azzopardi says:

    Prosit Andre tal-artiklu konciz u dettaljat tieghek. Jien minn din is-sena bdejt insegwi l-loghba tl-futsal ghax gejt imqabbab nikkumenta xi loghob. Nista nghid li l-loghob qed ikun interessanti u akkanit hafna. Li nixtieq nara hu aktar partitarji li jigu jaraw il-loghob, halli l-atmosfera tkun isbah!

    [Reply]

Leave a comment