Kampjonat tad-Dinja għas-sewwieqa tat-trot

Sunday, August 13, 2017, 10:00

 

Kmieni il-Ħamis filgħodu s-sewwieq Malti Noel Baldacchino ħalla Malta għall-Kanada sabiex jibda l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Kampjonat dinji għal sewwieqa tat-trot li se jsir bejn is-Sibt 12 u il-Ġimgħa 18 t’Awissu fil-koros Kanadiżi ta’ Century Downs (Calgary), Mohawk Racetrack (Campbelville), Georgian Downs (Innisfil), Hippodrome 3R (Trois Rivieres) u Red Shores Racetrack and Casino (Charlottetown).

Il-Kampjonat Dinji tas-sewwieqa flimkien mal-Konferenza Dinjija tat-Trot isiru kull sentejn u din is-sena qed jikkonċedu mal-250 anniversarju tat-tiġrijiet fil-Kanada.

Il-parteċipazzjoni ta’ Baldacchino hija waħda storika għalina peress li din hija l-ewwel darba li sewwieq Malti ġie mistieden sabiex ikun parti minn din l-aktar kompetizzjoni importanti għas-sewwieqa tat-trot. Flimkien ma Noel Baldacchino se jieħdu sehem 10 sewwieqa ta’ fama mondjali – ic-Champion attwali minn New Zealand Dexter Dunn li jkun qed jirrappreżenta lil Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trot, Shane Graham (Awstralja), Gerhard Mayr (Awstrija), Rik Depuydt (Belgju), Mika Forss (Fillandja), Mark Purdon (New Zealand), Erik Hoitomt (Norvegja), Marcus Miller (Stati Uniti), Bjorn Goop (Svezja) u James MacDonald għall-Kanada wara li ġie irtirat mill-kompetizzjoni Brandon Campbell li ġie sospiż wara li ż-żiemel tiegħu instab pożittiv għal sustanza illegali.

B’kollox ser isuqu 22 tiġrija kull wieħed f’4 provinċji differenti. Kull sewwieq jakkwista punti skond il-pożizzjoni li jispiċċa fiha f’kull tiġrija u dak li l-aktar ikollu punti fl-aħħar ġurnata jiġi ddikjarat champion tad-dinja u jingħata premju ta’ $25,000.

L-ewwel 5 tiġrijiet se jsiru Alberta nhar is-Sibt kollha bil-karozza fuq distanza ta’ mil u 1/16. (Ħin ta’ Malta il-Ħadd 02:20 am) Il-poloz ta’ Noel Baldacchino huma dawn:

l-1 Tiġrija – No 7 Sacred Valley

It-2 Tiġrija – No 10 Wild Chic

It-3 Tiġrija – No 3 Crack The Cognac

Ir-4 Tiġrija – No 4 Starry Eyes

Il-5 Tiġrija – No 8 Amysterytome

Noel Baldacchino jinsab akkumpanjat mis-Sur Clayton Seychell membru fil-Kunsill tal-Malta Racing Club.





Leave a comment