Kampjonat Ewropew għall-Ġerrejja Professjonali

Monday, June 25, 2018, 8:33

Il-Kampjonat Ewropew għall-Ġerrejja Professjonali se jsir fil-koros ta’ Bjerke in-Norveġja u Aby l-Isvezja nhar l-Erbgħa 27 u l-Ħamis 28 ta’ Ġunju.

Ir-rappreżentant Malti huwa s-sewwieq Rodney Gatt li għalih ser tkun l-ewwel esperjenza f’dan il-Kampjonat li fih ser ikun qed jikkompeti ma ħdax fost l-aqwa sewwieqa fl-Ewropa li jinkludu r-rebbieħ ta’ l-aħħar edizzjoni Mika Forss u li s-sena l-oħra spiċċa t-tieni fil-Kampjonat tad-Dinja.

Il-Kampjonat Ewropew isir kull sentejn u jalterna mal-Kampjonat Dinji. Is-sewwieqa ser isuqu 10 tiġrijiet maqsumin fuq jumejn u jieħdu punti skond il-pożizzjoni li jispiċċaw f’kull tiġrija.  Il-pajjiżi parteċipanti flimkien ma Malta huma l-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, in-Norveġja, l-Olanda, Spanja u l-Isvezja.

Gatt għandu 29 sena u s-sena l-oħra għall-ewwel darba spiċċa l-aqwa ġerrej tal-Malta Racing Club. Din is-sena qiegħed jiddomina fuq il-ġerrejja l-oħra bi 58 rebħa u fil-25 ta’ Mejju sar l-ewwel sewwieq li rnexxielu jirbaħ 6 tiġrijiet fi programm wieħed.

Huwa jħalli Malta nhar it-Tlieta filgħodu akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Malta Racing Club Tommy Cunningham.





Leave a comment