Jurgen Balzan jirbaħ il-kategorija U19 fil-Major ta’ Rochefort

Tuesday, January 22, 2019, 9:19

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġie organiżżat, il-Major ta’ Rochefort fil-Belġju.  Dan it-turnament internazzjonali u prestiġjuż tat-Table Football ġie organiżżat mill-klabb Belġjan Rochefort TS.

Jurgen Balzan rebaħ il-kategorija ta’ taħt id-19-il sena, fejn fil-finali rebaħ kontra l-Belġjan Maxime Rairoux bl-iskor ta’ 3-2.  Dan is-suċċes wasal ftit wara li f’Diċembru li għadda kien rebaħ il-Major tal-Italja.  Balzan li għad għandu sbatax-il sena qed jiprometti ħafna u bħalissa qiegħed klassifikat l-ewwel fir-rankings tad-dinja fil-kategorija ta’ taħt id-19-il sena.

Intant fil-kategorija tal-Open, Derek Conti u Massimo Cremona waslu sal-kwarti tal-finali fejn inqalgħu kontra Carlos Flores u Luca Colangelo respettivament.  Samuel Bartolo ġie eliminat mal-aħħar 16, Joseph Borg Bonaci mal-aħħar 32, Hansel Mallia fil-Barrages u sfortunatament Josef Camilleri m’għadiex mill-grupp.  Ir-rebbieħ ta’ din il-kategorija kien l-Ispanjol Carlos Flores.

Fil-kategorija tal-veterani Charlie Aquilina kellu prestazjoni tajba fejn fil-finali lagħab kontra Gianfranco Calonico u tilef bis-‘sudden death’ 2-1.  Mario Camilleri wasal sal-kwarti tal-finali fejn inqala’ mal-istess Charlie Aquilina.  Jason Pisani ġie eliminat mal-aħħar 16, filwaqt li Joseph Mifsud u John Zammit m’għaddewx mill-grupp.

Fil-kompetizzjoni tat-timijiet ħadu sehem Valletta Subbuteo Club u Bormla Subbuteo Club.  Valletta Subbuteo Club li kien iffurmat minn Derek Conti, Mario Camilleri, Samuel Bartolo, Joseph Borg Bonaci, Pascal Scheen, Jurgen Balzan, Axel Donval u Melina Scheen, sfaw eliminati mal-aħħar 16 wara li tilfu mat-tim Taljan Bologna Tigers.  Bormla Subbuteo Club li kien iffurmat minn Charlie Aquilina, Josef Camilleri, Joseph Mifsud, George Ebejer u Vincent Guyaux, Club ġew eliminati fil-barrages.  It-tim rebbieħ kien it-tim Taljan Reggio Emilia.





Leave a comment