Jurgen Azzopardi rebaħ il-Mini-Car Demolition Derby 2019

Wednesday, April 17, 2019, 9:19

Nhar il-Ħadd li għadda l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) kellha ġurnata mimilja attivitajiet fejn ġiet organizzata t-tmien attività mill-Kampjonat tal-Karozzi Autocross ASMK Pasta Poiatti 2018/2019 u wkoll il-ġurnata li ġiet fit-tmiemha b’edizzjoni oħra tad-Demolition Derby tal-Karozzi Żgħar.

Għal din l-edizzjoni tad-Demolition irreġistraw 54 kompetitur fejn sa lejlet l-attività 50 karozza għaddew mill-iskrutinju. Iżda minħabba l-maltemp tal-Ħadd 7 t’April filgħodu l-attività ġiet posposta għal Ħadd 14 t’April u Uffiċjal f’isem il-Kumitat Eżekuttiv avża li l-karozzi kollha għandhom jinżammu fil-Kumpless tal-ASMK f’Ta’ Qali sakemm issir l-attività.

Din id-deċizjoni li mhux kulħadd ħa pjaċir biha ittieħdet mil-Kumitat biex jitneħħa kull dubju li xi vetturi ħa jiġu modifikati jew isirilhom xi affarijiet kontra r-regolamenti wara li dawn ingħataw Passed Test. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ġie deċiż u kien iktar għaqli li l-karozzi jinżammu fil-Kumpless tal-ASMK f’Ta Qali u jkunu mgħassa 24/7 mis-sistema CCTV.

Iżda fil-lejl tal-Ħadd 7 t’April numru ta’ sewwieqa allegaw li kienu se jintmessu l-karozzi tal-kompetizzjoni minn terzi persuni. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni dawn il-kompetituri talbu li tinfetaħ il-grada prinċipali biex jieħdu l-karozzi lura u hekk sar. Kienu tmien kompetituri li ħargu l-karozzi tagħhom mill-Kumpless tal-ASMK bil-konsegwenza li dawn spiċċaw irtirati awtomatikament mill-kompetizzjoni kif kienu avżati. Il-Kumitat Eżekuttiv investiga l-każ u rriżultalu li dawn l-allegazzjonijiet kienu infondati.

Minkejja li saru diversi talbiet biex dawn il-kompetituri jergħu jidħlu lura l-Kumitat Ezekuttiv irrifjuta it-talbiet iktar min darba. Intant l-kompetituri li ħadu sehem kienu: Frans Bowell u Julian Mayo it-tnejn fuq Ford Fiesta, Brandon Attard fuq VW Polo, Fernando Cremona fuq Renault Clio, Brian Lawrence Mascari fuq Kia Avella, Kyran Mascari fuq Kia Pride, Adrian Bonnici fuq Peugeot 205, Jurgen Gatt fuq VW Polo, Josmar Farrugia fuq Hyundai Pony, Josuha Peplow fuq Kia Avella, Luca Mifsud fuq Subaru J10, Charles Clint Calleja fuq Kia Avella, Larkin Butler fuq Ford Fiesta, Wayne Mallia fuq Fiat Uno, Clayton Gravina fuq Peugeot 205, Thomas Galea fuq Fiat Uno, Daimler Micallef fuq Lada Samara, Eman Farrugia fuq Toyota Starlet, Antonie Cassar fuq Peugeot 306, Leo Butler fuq Lada Samara, Clint Farrugia Mazda 1200, Marlon Caruana fuq Kia Avella, Christian Cremona fuq VW Polo, Mauro Cassar fuq VW Polo, Jurgen Azzopardi fuq Peugeot 205, Pierre Carabott fuq Peugeot 205, Jonathan Galea fuq Peugeot 106, Josuha Bowell fuq Ford Fiesta, Massimo Borg fuq Daihatsu Charade, Jason Magro fuq Fiat Bravo, Philip Mangion fuq Tata Indica, Edward Zammit, Matthew Mallia u Mario Magro it-tlieta fuq Skoda Favorit, Clayton Tanti fuq Fiat Uno, Omar Fouad Tayel fuq Peugeot 106, Michael Delia fuq Kia Avella, Charlie Falzon fuq Lada Samara, Theo Grazino Camilleri fuq Peugeot 306 u Jurgen Vassallo fuq Peugeot 106.

Hekk kif ingħata s-sinjal mill-uffiċjali il-karozzi bdew iduru żewġ dawriet mal-korsa biex jiġu esebiti l-karozzi kollha. Wara dawn iż-żewġ dawriet bdiet id-Demolition fejn kein hemm spettaklu ta’ 40 minuta ta’ ħbit ikkontrollat. Wara l-ewwel 10 minuti l-ewwel karozza ġiet abbandunata u wara dan waħda wara l-oħra ġew abbandunati sakemm kien għad fadal l-aħħar ftit karozzi.

Fl-aħħar 15 il-minuta kien hemm taqtigħa bejn Kyran Mascari fuq Kia Pride, Larkin Butler fuq Ford Fiesta u Jurgen Azzopardi fuq Peugeot 205. Matul l-aħħar kumbattiment Mascari jiġi rtirat minkejja li karozza kellha l-magna taħdem imma l-karozza ma kienetx qed timxi. Dan għall-ewwel darba assigura t-tielet post.

Fl-aħħar ftit minuti kien fadal Jurgen Azzopardi u Larkin Butler, b’dan tal-aħħar ipprova jagħti l-aħħar daqqa mortali. Fl-istess ħin Azzopardi kellu l-karozza bi ħsarat estensivi imma xorta kienet għada taħdem u tmixi.

Min-naħa l-oħra Larkin fl-aħħar moviment kellu l-karozza tiegħu bdiet tieħu n-nar li ġie kkontrolat fi ftit sekondi. Minkejja dan is-sewwieq irnexxielu jerġa’ jistartja bil-konsegwenza li reġgħet ħadet in-nar u Larkin kellu jirtira waqt li assigura postu bħala r-Runner-Up f’din l-edizzjoni. B’hekk Jurgen Azzopardi fuq il-Peugeot 205 rebaħ għall-ewwel darba din I-edizzjoni tal-Mini-Car Demolition 2019.

Demolition Derby li jmiss sa tkun il-Van Demolition Derby 2019 li mistennija ssir fl-Lulju 2019. Id-data titħabbar iktar il-quddiem. Talba oħra li għandha l-Assoċjazzjoni hija biex issir Demolition oħra iddedikata lin-nisa biss. Dan se jiġi diskuss u deċiż fil-Kumitat Eżekuttiv fil-jiem li ġejjin.

Għal aktar informazzjoni idħlu fis-sit elettroniku www.asmk.org.mt jew fil-paġni ta’ Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email fuq info@asmk.org.mt jew Mobile 9942 5489.

Ritratti ta Mario Micallef





Leave a comment