Joqrob lejn it-tmiem staġun ieħor tal-ASMK

Wednesday, July 4, 2018, 13:06

Nhar il-Sibt li ġej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) se torganizza l-aħħar attivita tal-istaġun 2017/2018, qabel il-waqfa tas-sajf. Is-Sezzjoni Autocross tal-ASMK se torganizza it-tnax u l-aħħar attività mill-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2017/2018, bl-attivita tibda fis-6pm. Din ser tkun attività speċjali oħra bil-parteċipazzjoni ta’ sewwieqa Għawdxin, kif ukoll id-Demolition Derby tal-Vannijiet. Id-Demolition tibda 11.00pm.

It-talba lill-ASMK biex terġa’ tibda torganizza d-Demolition tal-Vanijiet saret fl-aħħar tal-2017 u għal din l-edizzjoni irreġistraw 13-il sewwieq fuq vetturi bħal Toyota Liteace, Ford Transit, Tata Sierra, Fiat Ducati, Peugeot Boxer,Tata Safari, Tata Delcia, Mercedes Vito fost l-oħrajn. L-ASMK diġa ltaqgħet darbtejn mal-kompetituri irreġistrati, fejn kollox jinsab lest biex nhar is-Sibt fil-11.00pm tibda edizzjoni oħra tad-Demoliton tal-Vannijiet. Il-biljetti jistgħu jinxtraw mill-bieb għal prezz ta €5 għal kbar u t-tfal jidħlu b’xejn.

Ħarsa lejn il-klassifika Autocross, fil-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2017/2018 kollox għadu indeċiz kemm fil-klassi Modified u dik Standard. Fil-Klassi Modified għad hemm taqtigħa bejn Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo li bħalissa jinsab fil-quċċata ta’ din il-klassifika b’221 punt u segwit min Karl Micallef fuq Ford Fiesta b’208 punt. Ma’ Farrugia u Micallef jista jkun hemm ukoll Jean Paul Grech fuq Peugeot 106 u Noel Zammit fuq Fiat Punto li jinsabu fit-tielet post f’din il-klassifika b’197 punt kull wieħed.

Fil-Klassi Standard ukoll għad hemm taqtigħa bejn Nicovich Chircop fuq Peugeot 106 u Deane Farrugia fuq Citroen AX. Minkejja li Farrugia bħalissa huwa sospiż fuq kaz li kellu iktar kmieni dan l-istaġun, dan akkumola biżżejjed punti biex għadu biċ-ċans li jirbaħ dan it-titlu mingħajr ma jikkompeti fl-aħħar attività. Din ser tkun sfida interessanti għal Chircop fejn jekk jirnexielu jirbaħ din l-attività tas-Sibt li ġej, jiġi ddikjarat rebbieħ għall-ewwel darba. Il-Klassifika bħalissa turi lill Farrguia fil-quċċata b’64 punt segwit minn Chircop b’56 punt.

Intant nhar is-Sibt li għadda l-ASMK organizzat l-aħħar attività bil-muturi Trials mill-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2017/2018. Fi Klassi A, Damon Bonello fuq mutur Gas Gas reġa’ rebaħ u kien segwit minn Rowen Bonello fuq mutur Beta.

Mil-Klassi B, Isaac Scicluna fuq mutur Beta rebaħ din il-klassi segwit minn Dion Micallef fuq mutur Beta. Fit-tielet post spiċċa Karl Bartolo fuq mutur Beta. Fil-Klassi Juniors tat-tfal, Julian Scicluna fuq mutur Beta rebaħ din il-klassi.

Intant wara din l-attività l-ASMK onorat liċ-Ċampjins tal-Kampjonat Nazzjonali Trials 2017/2018, fejn fi klassi A għal darb’oħra Damon Bonello reġa’ ġie ddikjarat Ċampjin. Fi Klassi B Dion Micallef fuq mutur Beta ġie ddikjarat għall-ewwel darba bħala rebbieh f’din il-Klassi Overall filwaqt li mill-kategorija tat-tfal Klassi Juniors, Julian Scicluna kien iddikjarat rebbieħ f’din il-klassi Overall u Jaden Abela spiċċa Runner Up.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha fis-sit elettroniku www.asmk.org.mt jew fil-paġni Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assocjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew Mobile 9942 5489.

Rittrati ta Mario Micallef





Leave a comment