Maratona ta’ Malta: Jonathan Balzan l-ewwel malti

Tuesday, February 28, 2012, 20:53

Il-Marokkin Mohammed Hajji huwa għal darb’oħra rebbieħ tal-Maratona ta’ Malta. Huwa għamel ħin ta’ sagħtejn, 19-il minuta u erba’ sekondi wara korsa ta’ 42.2km, biex ir-rekord tal-Maratona baqa’ f’idejn il-Kenjan Joshua Kipchemba, li fl-2008 għamel 2:18.38 minuti. Kif ikkummentaw l-atleti wara l-maratona, ir-riħ seta’ affettwa l-andament tagħhom.

Jonathan Balzan

Mill-ftuħ tal-Maratona mir-Rabat lejn {’Attard u l-bypass tal-Imrieħel, wara li Cherkaoui el Makrout kien kostrett jirtira, kien Mohammed Hajji li fetaħ vantaġġ fuq Abdelkarim Kabouri, tant li sat-30 kilometru żamm pass b’saħħtu maqtugħ mill-Ġermaniż Dennis Mehfeld u l-Malti ta’ St. Patrick’s, Jonathan Balzan.

Sas-37 kilometru waslet ir-reazzjoni minn Balzan li qata’ lill-Marokkin Sammy Kiprotich u żamm il-pass ma’ Hajji u Kabouri. Sat-tmiem, Mehfeld naqas li jagħmel reazzjoni u Balzan daħal fit-tielet post, l-istess bħas-sena l-oħra, f’sagħtejn, 32 minuta 25 sekonda, li kien madwar 6 minuti mill-aħjar ħin tiegħu li għamel fl-2008. Abdelkarim Kabouri temm fit-tieni post f’sagħtejn, 25 minuta 37 sekonda. Fil-ħames post daħal it-Taljan Vincenzo Scuro.

Sodisfatt bir-riżultat miksub, Hajji għamel referenza kemm għar-rendiment tal-istess Maratona kif ukoll għall-mod kif qassam id-distanza, b’mod li kiseb it-tieni suċċess konsekuttiv. Emozzjonat għall-aħħar, Jonathan Balzan kompla fejn ħalla fl-aħħar snin u qal li jħossu kuntent li għadu l-aqwa atleta Malti fuq din id-distanza. L-ewwel mara fil-maratona kienet Carmen Hili ta’ St. Patrick’s, fi 3 sigħat, 3 minuti u 15-il sekonda, filwaqt li n-nofs maratona ntrebħet mill-Ungeriż Jozsca Gabor f’siegħa, 7 minuti u 30 sekonda, bl-ewwel Maltin ikunu Clive Gerada u Angela Sammut.

Għal darb’oħra dan l-avveniment uniku fil-kalendarju sportiv Malti ta l-opportunità lill-eluf ta’ dilettanti li jieħdu sehem, kemm fil-walkathon li ntrebħet minn Edward Bellia f’siegħa, 54 minuta u 17-il sekonda, b’Angelo Pullicino jidħol fit-tieni post, kif ukoll kmieni filgħodu madwar 530 parteċipant ħadu sehem f’Fun Run, bl-iskola ta’ St. Joseph ta’ Tas-Sliema ikollha l-akbar parteċipazzjoni b’110. Kipyego jegħleb lil Gebrselassie f’Tokjo Sadattant, il-Kenjan Michael Kipyego issorprenda lil kulħadd meta rebaħ il-Maratona ta’ Tokjo, bl-eks holder tar-rekord mondjali, Haile Gebrselassie, ikollu jikkuntenta bir-raba’ post. Kipyego kellu ħin ta’ sagħtejn, 7 minuti u 37 sekonda f’tiġrija li saret f’kesħa kbira.

L-Etijopjan Gebrselassie inqata’ minn mar-rebbieħ tas-sena l-oħra, Hailu Mekonnen, qabel is-36km, imma Kipyego qabżu madwar żewġ kilometri wara. Ir-riżultat iħalli lil Gerbrselassie fid-dubju dwar kemm se jkun wieħed mill-Etijopjani fl-Olimpjadi ta’ Londra wara li tliet konnazzjonali oħra ġrew taħt is-2:05 fil-maratona ta’ Dubaj, ix-xahar l-ieħor. Il-Ġappuniż Arata Fujiwara kabbar iċ-ċasnijiet li jikkwalifika għall-Olimpjadi meta spiċċa t-tieni f’2:07.48 min wara li qabeż lil Stephen Kiprotich tal-Uganda fid-dritta finali





Leave a comment