John Zammit jingħata l-Merit Award mill-UEC

Friday, March 18, 2016, 21:45

John Zammit jingħata l-Merit Award mill-UEC (Union Européenne de Cyclisme)

Gavin Muscat

Nhar il-Ħadd li għadda 13 ta’ Marzu 2016, f’Vale do Lobo – Algarve fil- Portugal, John Zammit, president tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu kien onorat bil-Merit Award mill-president tal-UEC l-Franciz David Lappartient matul l-Assemblea Ġenerali 2016. John Zammit li kien akkumpanjat minn Joe Bajada, s-segretaju ġenerali tal-Federazzjoni, rċieva dan l-unur  għas-servizz kbir u twil tiegħu lejn iċ-ċikliżmu. Dan l-unur wasal eżatt mat-30 anniversarju tal-Assoċjazzjoni tal-BMX Malta li tagħha Zammit mhux biss huwa l-fundatur iżda ukoll il-president għal dawn is-snin kollha. Sorpriż b’dan l-Merit Award, Zammit radd ħajr lil dawk kollha li ħadmu miegħu matul din il-karriera ta’ ‘l fuq minn 50 sena fiċ-Ċikliżmu u qal li dan huwa unur mhux biss għalih personali, iżda wkoll għal Federazzjoni u l-iSport Malti inġenerali. Apparti minn John Zammit, l-UEC tat wkoll Merit Awards oħra lin-Norvegiż Harald Tiedemann Hansen, Emin Muftuoglu tat-Turkija, Jean Regenwetter ta’ Lussemburgu, kif ukoll lit-Taljan Renato Di Rocco. John Zammit kien ikkumplimentat mid-delegati kollha tal-Federazzjonijiet Ċiklistiċi Ewropej, li kienu preżenti, kif ukoll mill-president tal-UCI Brian Cookson u Enrico Della Casa, segretarju ġenerali tal-UEC.

John Zammit imwieled fil-5 ta’ Frar 1948, huwa l-president attwali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. Huwa wieħed minn dawk li jaħdem bla heda fil-qasam sportiv Malti partikolarment fil-qasam ċiklistiku. Matul il-karriera kompetittiva tiegħu, huwa mhux biss irrappreżenta lil Malta, iżda wkoll kellu perjodu ta’ tliet snin isuq tal-klubb Sqalli ta’ GS Lampolet ta’ Catania. Madankollu huwa ferm attakkat u dedikat għal Assoċjazzjoni tal-BMX li mhux biss kien huwa li waqqafha, iżda li għadu president sa mill-ewwel ġurnata tat-twaqqif tagħha, 30 sena ilu. Grazzi għall-inizjattivi li huwa jieħu, Zammit irnexxielu jiġbed eluf ta’ żgħażagħ għal dan il-isport matul is-snin.

Karriera Sportiva: Sa minn meta kien għadu tifel, kien jgħoġbu ċ-ċikliżmu li spiċċa l-isport favorit u uniku tiegħu. Huwa saq ma’ Qormi CC, Floriana CC, GS Lampolet u anke fit-tim Nazzjonali Malti.

Karriera Amministrattiva: Wara li huwa rtira mix-xena kompetittiva taċ-ċikliżmu, huwa beda jikkowċja fejn mexxa lit-tim Nazzjonali waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li kienu saru f’Andorra fl-1991.

Unuri: Matul il-karriera kompetittiva tiegħu, John Zammit rebaħ bosta unuri fosthom fi Sqallija meta kien issieħeb għal tliet snin lil klubb Sqalli. L-ikbar mumenti tiegħu fit-tim Nazzjonali kienu dawk tal-Logħob tal-Mediterran li saru fit-Tunezija fl-1967, kif ukoll dawk pre-Olimpiċi fl-1971 fi Munich fil-Ġermanja.

John Zammit li ilu għal snin ferm twal fil-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, kien ir-rappreżentant tal-Libertas, kif ukoll serva għal diversi snin bħala viċi-president.Huwa kien elett bħala president tal-Federazzjoni fl-2002 fejn huwa jikkonsidra dan il-mument bħala l-għola fil-karriera amministrattiva tiegħu. Huwa ħadem ukoll bla heda fuq it-Tour ta’ Malta li tagħha huwa ko-fondatur. Fil-fatt fi ftit jiem oħra huwa ser imexxi tim inħejji apposta għat-22 edizzjoni tal-istess Tour ta’ Malta fejn jittama li dan l-avveniment ikompli jkun bħala wieħed mill-ewlenin fix-xena sportiva Maltija.





Leave a comment