Joe Bajada elett f’kariga importanti fl-Unjoni Ewropeja taċ-Ċikliżmu

Thursday, March 9, 2017, 18:08

Gavin Muscat

Nhar il-Ħadd li għadda 5 ta’ Marzu 2017, waqt l-Kungress Annwali Ġenerali 2017 tal-Union Européenne de Cyclisme fi Brussels, fil-Belġju, Joe Bajada, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu kien elett f’kariga mportanti fi ħdan din l-Unjoni Ewropeja fejn issa ser jifforma parti minn 15 il-delegat li ser ikollhom id-dritt li jkunu huma li jivvutaw f’isem il-50 pajjiz membru affiljat Ewropej waqt il-Kungress Annwali Ġenerali tal-Federazzjoni Internazzjonali taċ-Ċikliżmu li ser issir f’Settembru li ġej f’Bergen fin-Norveġja. Ma’ dawn il-15 jingħaqdu wkoll 30 delegat ieħor mill-erba’ konfederazzjonijiet l-oħra li jħaddnu fihom 136 pajjiż affiljati ma’ waħda mill-ACC (Asia), COPACI (Pan America), CAC (Africa) u l-OCC (Oceania).

Għal din l-elezzjoni kienu nnominati 30 delegat minn Federazzjonijiet u Assoċjazzjonijiet different fi ħdan il-UEC. Qabel l-elezzjoni, tliet delegati rtiraw in-nomina tagħhom. Joe Bajada kien elett fid-9 post, b’punteġġ sabiħ 37 vot, ħamsa inqas minn tal-ewwel. Ma’ Bajada kienu eletti wkoll Daniela Isetti (Italja), Thierry Marechal (Belġju), Umberto Langellotti (Monako), Alejandro Martin Garcia (Spanja), Peter Privara (Slovakkja), Slavomir Svaboda (Repubblika Ċeka), Michel Callot (Franza), Delmino Albano M. Pereira (Portugall), Romualdas Bakutis (Litwanija), Victoria Lesnikova (Russja), Farhad Aliyev (Ażerbajġan),  Vladimiros Petsas (Greċja),  Eduard Carol NOVAK (Rumanija) u Vitali Zhmako (Belarus).

F’dan il-Kungress il-President il-Franciz David Lappartient kien kienx ikkontestat u għalhekk ġie ikkonfermat fil-kariga tiegħu għal erba’ snin oħra.

Sorpriż b’dan ir-riżultat, Joe Bajada radd ħajr lil dawk il-pajjiżi kollha Ewropej li wrew fiduċja sħiħa fih biex issa flimkien mal-14 il-delegati l-oħra jirrapreżentawhom waqt il-Kungress ferm mistenni tal-UCI li ser isir f’Settembru li ġej fin-Norveġja. Matul l-istess Kungress ta’ Brussles kien hemm ukoll preżenti John Zammit, il-President tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu li kien l-ewwel wieħed li feraħ lil kollega Bajada. Xewqat sbieħ oħra waslu minn bosta delegati internazzjonali preżenti, kif ukoll mill-uffiċjali għolja tal-UEC fosthom David Lappartinet u Enrico Della Casa, President u Segretarju Ġenerali rispettivament tal-UEC.

F’kumment li Joe Bajada ta wara dan is-suċċess huwa mhux biss personali, izda success ghal Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu w anke ghal Malta. Huwa żied jgħid li dan ir-riżultat jirrifletti l-ħidma tiegħu u li fuq kollox kienet innutata u apprezzata anke fix-xena internazzjonali. Huwa ddedika dan ir-riżultat lil familja kollha tiegħu, kif ukoll lil President John Zammit li bħalu għadu frisk mis-suċċess fl-Għażliet Sportivi Nazzjonali fejn l-istess Zammit u Joe Bajada kienu onorati rispettivament bil-People’s Choice Award u l-Aħjar Sportiv Għawdxi. Huwa xtaq jirringrazzja lill-Uffiċjali tal-UEC u Federazzjonijiet Membri tal-fiduċja murija miegħu, kif ukoll lil Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, Sport Malta, l-Bord Sportiv Għawdxi u l-familja tiegħu.





Leave a comment