Jittellgħu l-poloz u ssir iċ-ċerimonja uffiċjali tal-ftuħ

Friday, April 11, 2014, 8:17

Malta fi Grupp A mal-Ingilterra, l-Olanda u t-Turkija

Ilbieraħ, fis-sala tal-Kavallier ta’ San Ġakbu fil-Belt Valletta, ittellgħu l-poloz tal-UEFA Under 17 Championship li se jsiru f’pajjiżna bejn id-9 u l-21 ta’ Mejju 2014.

 

Malta, tpoġġiet ‘seeded’ fi Grupp A u ġiet imtellgħa flimkien mal-Ingilterra, l-Olanda u t-Turkija. Fi Grupp B, ittellgħu l-Ġermanja, il-Portugall, l-Iskozja u l-Isvizzera. B’hekk issa hi uffiċjali li l-ewwel partita ta’ dan il-Kampjonat Ewropew għat-tim nazzjonali Malti se tintlagħab fid-9 ta’ Mejju 2014 kontra l-Ingilterra fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali. Il-ħinijiet tal-kick-offs għad iridu jiġu deċiżi mill-UEFA, flimkien mal-istazzjon Eurosport TV li flimkien ma’ TVM, se jkun qiegħed ixandar dawn il-partiti b’mod dirett.

 

Kollox kellu l-bidu tiegħu fis-7.00pm meta fost l-istennija kbira li kien hemm fis-sala, wieħed seta’ jammira l-preżenza tar-rappreżentanti tat-timijiet kollha li se jkunu qegħdin jieħdu sehem, tal-ogħla uffiċjali tal-MFA, fosthom il-President Norman Darmanin Demajo u l-Kap Eżekuttiv Bjorn Vassallo, tal-Ministru Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius, uffiċjali oħra tal-UEFA u uffiċjali u impjegati oħra tal-MFA li se jkunu qegħdin jaħdmu b’mod dirett f’dan it-tournament.

 

Il-ftuħ uffiċjali ta’ din is-serata beda bid-diskors ta’ Darmanin Demajo li ġie msejjaħ fuq il-palk mill-preżentatur Keith Demicoli. F’diskors qasir imma konċiż, il-President tal-MFA, ta merħba lil kulħadd u qal li kien ta’ unur kbir għalih li fiż-żmien tal-Presidenza tiegħu, Malta rebħet id-dritt li tospita dan it-tournament.

 

“Inħossni onorat li llum ninsabu lkoll hawn flimkien. Xahar ieħor se jkollna l-bidu ta’ dan it-tournament. Minix daqshekk ċert li Malta jista’ jkollha l-aqwa riċultati, iżda ninsab ċert li intom kollha se tgawdu s-sabiħ ta’ pajjiżna u li għalikom se tkun okkażjoni li tibqgħu tiftakru f’pajjiżna għal ħajjitkom kollha,” qal Darmanin Demajo.

 

Fl-istess serata tat-tlugħ tal-poloz tkellem ukoll Evarist Bartolo, il-Ministru tal-Edukazzjoni, li f’sem il-Gvern Malti rringrazzja lill-UEFA u lill-MFA talli flimkien ġabu lejn Malta avveniment uniku.

 

“Ma nistax ma nirringrazzjax lilkom kollha li qegħdin hawnhekk u li ħdimtu u se tkompli taħdmu biex tagħmlu dan l-avveniment wieħed kbir. Għandi fiduċja kbira li Malta se tkun esperjenza sabiħa għalikom kollha u ninsab ċert li l-MFA se torganizza kollox b’mod professjonali.”

 

Minnufih assistejna għat-tlugħ tal-poloz li ġew imtellgħin minn Jim Boyce, Viċi President tal-FIFA u Chairman tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Youths tal-UEFA, u minn David Carabott u Fr Hilary Tagliaferro, tnejn mill-Ambaxxaturi maħtura mill-MFA għal dan it-tournament.

 

Kif intemmet din is-serata, il-persuna kollha mistiedna qasmu għall-faċċata tal-bini, fil-Barrakka ta’ Fuq, fejn hemmhekk il-mistiedna f’Malta tal-pajjiżi barranin baqgħu mistgħaġba bil-veduta tal-Port il-Kbir.

 

Hawnhekk reġgħu saru diskorsi oħra minn Alexei Dingli, Sindu tal-Belt Valletta, li għoġbu jirreklama kemm-il Belt Valletta hi Belt sportiva b’diversi klabbs tal-futbol fil-madwar.

 

“Hu unur u privileġġ għalija li llum tinsabu kollha hawnhekk. Il-Belt Valletta hu post fejn f’kull ħin u f’kull rokna tal-ġurnata kulħadd jitkellem fuq il-futbol. Hawnhekk għandna diversi klabbs tal-futbol, b’fuq quddiemnett il-Valletta FC, li hu storja unika ta’ suċċess f’pajjiżna. Minbarra dan, ilkoll se tkunu tistgħu tammiraw l-isbuħija tal-belt kapitali ta’ Malta, waqt li f’mument jew ieħor li se tkunu qegħdin f’Malta se tinzertaw mexjien fit-toroq tagħna.”

 

Tkellem ukoll Jason Micallef, Chairman tal-V.18, min-naħa tiegħu wera l-apprezzament għall-fatt li l-Belt Valletta ntgħażlet biex tkun il-Belt Kapitali Ewropea fl-2018.

 

Mill-Belt Valletta ħarġu l-aqwa mħuħ tal-pajjiż bħal xjentisti, artisti u nies ta’ abbilta’ kbira. Hu qal li llum il-ġurnata l-futbol hu aktar minn sempliċi sport tant li l-esperti jiddiskrievu dan l-isport bħala ‘poetry in motion’.”

 

Fid-diskors tiegħu, Micallef kwota wkoll lil Albert Camus li kien kiteb li kull m’għandu f’ħajtu fuq moralita’ u rġulija, jafu biss lil-logħba tal-futbol.

 

Il-V18 se jkollha parti sew mill-orgnizazzjoni ta’ dawn il-finali. Sehem, li permezz tiegħu l-Fondazzjoni se tkun qiegħda tirreklama dak li toffri l-Belt Kapitali tagħna flimkien mal-wirt storiku tagħha.

 

Chris Agius, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, ukoll faħħar lill-MFA u lill-UEFA talli ħadmu flimkien biex Malta rebħet dan id-dritt li tospita avveniment daqshekk kbir.

 

“Irrid naċċerta lil kulħadd preżenti li r-relazzjonijiet bejn l-MFA u l-Gvern huma b’saħħithom ħafna u ibqgħu ċerti li lili se ssibuni dejjem warajkom f’kull għajnuna li nista’ nagħti. Fl-isport, speċjalment il-futbol, m’hemmx lok għall-piki u għall-battibekki. Irridu lkoll naħdmu flimkien, niġbdu ħabel wieħed biex Malta tirbaħ ir-rispett mixtieq fl-isfera internazzjonali.

 

Agius ikkonkluda d-diskors tiegħu billi awgura lil kull min se jieħu sehem f’dan it-tournament suċċess kbir filwaqt li stqarr li ma kellux dubju mill-organizazzjoni perfetta li se tkun qiegħda twettaq l-MFA.

Kif intemmet din iċ-ċerimonja, dawk kollha mistiedna mxew madwar il-Belt Valletta sakemm waslu quddiem il-bini li ntrama apposta biex jospita lil kulħadd għall-ikla ta’ filgħaxija. Il-bini ntagħżel minn V18 biex jospita l-ikla kien apposta biex dawk mistiedna jsiru jafu aktar dwar il-wirt storiku f’dak li għandu x’jaqsam mal-bini tal-fortifikazzjonijiet f’Malta u f’Għwdex matul iż-żminijiet.

B’hekk, intemm l-ewwel avvenimanet ta’ dawn il-Kampjonati li ta l-bidu għal kollox sakemm jibdew uffiċjalment il-partiti fid-9 ta’ Mejju, bil-finali li se tintlagħab fil-21 ta’ Mejju 2014, u li għaliha se jkun hawn preżenti Michelle Platini, il-President tal-UEFA.   

 





Leave a comment