Jittellgħu il-Poloz tal-Kampjonat BOV tal-Water Polo tax-Xitwa

Tuesday, February 19, 2019, 15:17

Il-Kampjonat BOV tal-Water Polo tax-Xitwa 2019 se jibda fit-22 ta’ Marzu b’sitt timijiet jikkompetu fil-BOV Premier Division u 5 timijiet li jikkompetu għat-titlu ta’ l-Ewwel Diviżjoni.

Il-Poloz ittellgħu waqt konferenza stampa li saret fl-uffiċji tal-Aquatic Sports Association of Malta li ġiet indirizzata mill-President ta’ l-ASA Joe Caruana Curran u Anthony Scicluna, Uffiċjal Kap tal-Bank tal-Valletta.

“Il-Kunsill tal-ASA dalwaqt se jiltaqa’ biex jiddeċiedi jekk ir-regolamenti l-ġodda tal-logħob introdotti dan l-aħħar mill-FINA humiex ser jiġu adottati għal dan il-Kampjonat”, qal il-President tal-ASA. “Qed nippjanaw li nġibu numru ta’ esperti biex jiltaqgħu mal-klabbs u r-referis tagħna biex niżguraw transizzjoni bla xkiel fir-regoli l-ġodda.”

“Fuq nota oħra, aħna kuntenti bil-prestazzjonijiet ta’ numru ta’ plejers żgħażagħ fit-Tazza Enemed li għaddejja bħalissa”, kompla l-President ta ‘l-ASA. “Il-Youth Development Scheme b’kollaborazjoni mal-Bank of Valletta diġà qiegħda tagħti l-frott u din se tkun il-pedament għat-Tim Nazzjonali tal-futur.”

“Il-Youth Development Scheme hija mmirata biex tgħin lill-plejers żgħażagħ jiksbu esperjenza ta’ taħriġ u logħob barra l-pajjiż u jesperjenzaw livell ogħla milli aħna mdorrijin”, qal il-Kap Uffiċjal tal-BOV Anthony Scicluna. ‘Huwa tassew ta’ pjaċir għalina li nkunu assoċjati mal-ASA’.

L-ASA, f’kollaborazzjoni mal-klabbs kollha, tirriserva d-dritt li tmexxi d-dati u l-ħinijiet tal-logħbiet kif meqjus neċessarju. Il-poloz finali bid-dati u l-ħinijiet tal-logħbiet kollha se jinħarġu dalwaqt mill-ASA.





Leave a comment