Jitlaqqa’ l-Kumitat Ġenerali tas-CEV f’Malta

Friday, March 24, 2017, 14:41

Gavin Muscat

‘Il-Gvern, permezz ta’ SportMalta, qed jaħdem id f’id mal-amministrazzjoni tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball sabiex jerġa jitqajjem interess fil-logħba filwaqt li nattiraw aktar żgħażagħ u tfal lejn l-isport,’ dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius waqt li żar il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Konfederazzjoni tal-Volleyball Ewropea (CEV).  Is-CEV hija l-ogħla organizzazzjoni tal-Volleyball fl-Ewropa u din hija l-ewwel laqgħa barra l-Kwartieri Ġenerali sa mill-elezzjoni tal-president lura fl-2015.

Il-Konfederazzjoni Ewropea Volleyball (CEV) hija responsabbli biex tirregola 56 federazzjonijiet Nazzjonali madwar l-Ewropa u hija rikonoxxuta bħala tali mill-Fédération Internationale de Volleyball (FIVB). Is-CEV għandha l-awtorità u r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet Ewropej kollha tal-Volleyball u l-beach volley. Il-kwartieri ġenerali jinsabu fil-Lussemburgu.

Il-President Boričić u l-kollegi tiegħu bħalissa huma mpenjati biex jagħtu xejra differenti lill-governanza tal-Volleyball fl-Ewropa biex jiżguraw li l-isport jikber f’termini ta’ popolarità, fl-għarfien u biex jiġbdu aktar u aktar interess minn sponsers u l-midja. Dawn it-temi se jiġu ttrattati fil-laqgħa Maltija.

Il-prestiġju ta’ dan l-avveniment huwa marbut mal-fatt li Malta ġiet magħżula bħala l-ewwel pajjiż tagħhom u wkoll minħabba vot ta’ fiduċja fil-pajjiż tagħna u l-amministrazzjoni tagħna, speċjalment fir-rwol li l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija Jesmond Saliba qed jieħu sabiex jgħaqqad lura l-Assoċjazzjoni Maltija ma’ dawk Ewropej.  Fejn ukoll il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qed jiġu trasformati bħala prijoritajiet għall-Volleyball, speċjalment permezz tal-proġett fejn ser jerġa’ jkun qed jiddaħħal il-volleyball fl-iskejjel.

Il-President Aleksandr Boričić u l-Viċi President Anzjan Renato Arena t-tnejn jemmnu bis-sħiħ fl-impenn li qed jaraw mill-Assoċjazzjoni Maltija.  Huma kuntenti bl-appoġġ mill-istituzzjonijiet pubbliċi u l-mod kif il-Assoċjazzjoni Maltija sa minn dejjem kienet taqdi għan filantropiku lis-soċjetà speċjalment bil-maratona tal-volleyball li ssir kull sena b’risq id-Dar tal-Providenza.

Preżenti għaż-żjara l-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar u l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball Jesmond Saliba.





Leave a comment