Jirriżenja s-Segretarju Ġenerali tal-Malta FA

Wednesday, October 26, 2016, 20:10

Gavin Muscat

Il-Malta Football Association tavża li rċiviet ir-riżenja ta’ Bjorn Vassallo, is-Segretarju Ġenerali, liema riżenja kienet ukoll imħabbra f’Laqgħa tal-Bureau li saret dalgħodu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Assoċjazzjoni.

Is-Sur Bjorn Vassallo, li daħal jaħdem mal-MFA fis-sena 2010, l-ewwel fl-irwol ta’ Kap Eżekuttiv u wara bħala Segretarju Ġenerali, meta tkellem quddiem l-uffiċjali tal-Assoċjazzjoni stqarr li kien qiegħed jirriżenja wara li aċċetta offerta ta’ impjieg li saritlu mill-FIFA, fil-pożizzjoni ta’ Direttur tal-Assoċjazzjonijiet Membri fl-Ewropa.

Is-Sur Vassallo kien parti integrali mir-riformar li għaddiet minnu l-MFA matul l-aħħar snin biex il-lum tinsab f’pożizzjoni aħjar minn qatt qabel li timplimenta dawk il-ħtiġijiet li għandhom iwasslu biex il-futbol f’Malta jkompli jevolvi grazzi għas-sehem ta’ dawk kollha li jaħdmu fl-operat tal-logħba domestika.

Huwa unur għall-MFA u għall-futbol Malti li l-eks-Segretarju Ġenerali issa se jkun qiegħed jaħdem fuq sfidi akbar fi ħdan l-akbar organizazzjoni tal-futbol fid-dinja, il-FIFA.

Il-Malta Football Association tawgura kull suċċess lis-Sur Vassallo fl-impenji l-ġodda tiegħu u tirringrazzjah tal-ħidma kbira li għamel fl-aħħar 21 sena fil-futbol lokali minn meta serva fi klabb membru u wara fl-amministrazzjoni tal-MFA.

Bjorn Vassallo





Leave a comment