Jirritorna l-kampjonat tal-Handball

Monday, October 12, 2020, 10:09

Il-kompetizzjonijiet nazzjonali għall-istaġun 2020/21 organizzati mill-Malta Handball Association se jibdew fil-weekend tas-17/18 ta’ Ottubru fil-Kumpless Sportiv tal-Università ta’ Malta.

Wara il-waqfien ħesrem, minħabba l-Covid-19, f’Marzu li għadda, il-bord maniġerjali l-ġdid tal-MHA, flimkien mal-klabbs membri tiegħu, ippjana format tal-kampjonat ġdid biex jagħti bidu għall-istaġun uffiċjali tal-handball.

“Back to Handball covid protocol” huwa protokoll magħmul b’mod mill aktar professjonali għas-sigurtà ta’ dawk kollha kkonċernati bbażat fuq il-linji gwida mill-Awtoritajiet tas-Saħħa lokali, SportMalta u l-Federazzjonijiet Internazzjonali tal-Handball.

“Peress li l-logħba, fiha nnifisha, hija sport ta’ kuntatt  li jintlagħab fuq ġewwa kien importanti ħafna li nagħmlu protokoll strett u nsegwu approċċ kawt minħabba s-sitwazzjoni Covid. L-MHA u l-klabbs qegħdin jikkollaboraw bis-sħiħ ma’ dawn il-linji gwida sabiex inkunu nistgħu ngawdu l-logħba f’ambjent sikur”, qal il-President tal-MHA Paul Zammit.

Zammit żied jgħid, “Issa wasal iż-żmien li nerġgħu nilagħbu u nibdew il-kompetizzjonijiet. Kemm Il-plejers u kif ukoll il-kowċis ilhom jippreparaw għall-istaġun il-ġdid għal żmien mhux ħażin. L-istennija issa spiċċat!

Nisperaw li nistgħu nibdew u nispiċċaw għax aħna konxji mill-possibbiltà li jista’ jkollna każ wieħed jew aktar pożittivi matul il-kampjonat, imma ġew stabbiliti prekawzjonijiet biex jimminimizzaw dan ”

Matul l-aħħar ġimgħat,  l-MHA organizzat partiti ta’ ħbiberija għall-klabbs kollha taħt il-protokoll ‘Back to Handball’ bħala  perjodu ta’ prova biex tiżgura li l-linji gwida kollha jkunu osservati u biex issolvi kwalunkwe tħassib u dettalji minuri qabel ma jibdew il-kompetizzjonijiet uffiċjali.

Is-Sibt 17 ta’ Ottubru se jkun l-ewwel jum għall-kampjonati nazzjonali tal-kbar li jibqgħu sejrin sa tmiem Frar b’kampjonat ta’ żewġ rawnds għall-irġiel u erba’ rawnds għan-nisa. Waqt li l-kompetizzjonijiet l-oħra kollha ta’ età differenti se jibdew matul ix-xhur li ġejjin . Fil-kampjonat tal-irġiel, selezzjoni tat-tim nazzjonali ta’ taħt l-24 sena se jkun qed jipparteċipa wkoll bi preparazzjoni għall-impenji internazzjonali f’April 2021. Ukoll, wieħed mit-timijiet tan-nisa f’livell ta’ klabb ser jilgħab f’kompetizzjoni Ewropea x-xahar id-dieħel u għalhekk kien ukoll essenzjali għalihom li l-kampjonati jibdew mill-aktar fis possibbli.

L-MHA għamlet ukoll arranġamenti ma’ kumpanija lokali biex tigi murija logħba waħda kull weekend permezz ta’ livestream, biex tgħin fil-promozzjoni tal-logħba. Il-bord maniġerjali qed jaħdem ukoll fuq programm nazzjonali biex ikompli jippromwovi l-logħba u qed juza kull xorta ta’ network biex iżid il-popolarità u l-espożizzjoni, bħal ma hu l-live streaming, midja soċjali u programmi fl-iskejjel.

B’kollaborazzjoni mal-Sports Promotion Unit ta’ SportMalta, il-handball ser jingħata l-importanza dovuta biex it-tfal jipprattikawh f’ħafna mill-iskejjel Maltin. Minbarra dan il-Handball ġie inkluż ukoll bħala waħda mid-dixxiplini sportivi fl-iskeda ‘On the move’ organizzata minn SportMalta, li ssir kull nhar ta’ Sibt filgħodu fil-kumpless sportiv tal-Kottonera. Barra minn hekk, għall-ewwel darba, l-Iskola Nazzjonali tal-Isport inkludiet il-Handball bħala waħda mid-dixxiplini sportivi tagħha minn din is-sena. Tliet itfal ġew magħżula u se jibdew jieħdu taħriġ individwali matul din is-sena Skolastika minn kowċ tal-handball kwalifikat.

Il-President tal-MHA temm jghid :

“L-isbaħ ħaġa tal-handball bħala sport hija li prattikament jista jintlagħab kullimkien u minn kulħadd, ta’ kull sess jew età. Hija logħba divertenti ħafna li tista tintlagħab fuq ġewwa, ħdejn il bahar, fl-iskola jew fit-triq. ”

Għall-aktar dettalji u informazzjoni fuq il-Handball f’Malta nitolbu lil dawk interessati jsegwu il-paġna tal-Facebook tal-Malta Handball Assocaition u għal kwalunkwe mistoqsija tistgħu tibagħtu imejl fuq info@maltahandball.com.





Leave a comment