Jintlagħab ir-round preliminari fit-tieni diviżjoni tal-Basketball

Monday, January 10, 2011, 9:45

minn Colin Schembri.

Vida Siġġiewi 53

Bell Net SN Suns 43

(17-14)(14-12)(14-9)(8-8)

Vida Siġġiewi bdew jiddefendu l-unur tal-Bank of Valletta knock-out b’rebħa fuq il-ġirien Bell Net SN Suns 53-43. Għal Vida rritorna Lee Grech pero kienu neqsin Noel Falzon u Lee Grech. Suns niżlu biss b’5 players fejn kellhom diversi players neqsin fosthom Clayton Agius, Trevor Grech u Bjorn Grima. Suns għamlu l-ewwel ħames punti tal-partita bis-Siġġiewi jwieġbu bi trippla ta’ Alistar Duncan. Suns baqgħu fuq quddiem 14-12 pero’ l-aħħar żewġ baskets ġew minn Vida biex temmew l-ewwel sessjoni minn fuq 17-14. Siġġiewi bdew it-tieni perjodu b’run ta’ 6-0 bis-Suns iwieġbu bi trippla ta’ Michael Barberi u basket ta’ Hubert Agius. Żewġ trippli ta’ Ian Terribile kabbru l-vantaġġ ta’ Siġġiewi għal 10 punti 31-21 pero’ sal-mistrieħ Suns għamlu ħames punti biex id-distakk niżel għal 6 punti 31-25.

Siġġiewi fetħu t-tielet perjodu b’run ta’ 10-2 biex fetħu vantaġġ ta’ 13-il punt 41-28. Barberi għamel it-tieni trippla tiegħu biex reġa’ naqqas id-distakk. Fl-aħħar ħinijiet kien hemm basket fuq kull naħa u d-distakk niżel għal 10 punti. Fl-aħħar sessjoni l-punti kienu skarsi fejn wara run ta’ 6-0 minn Siġġiewi, Suns wieġbu b’run oħra ta’ 8-0. Basket ta’ Kris Farrugia għalaq il-partita fuq skor finali ta’ Vida Siġġiewi 53 Bell Net SN Suns 43.

Vida Siġġiewi: P. Vulovic 14, JP. Antonic 6, A. Duncan 7, D. Debattista, L. Grech 8, A. Borg 3, E. Vella, K. Farrugia 2, C. Cassar, I. Terribile 11, G. Agius, G. Gauchi Grech 2.

Bell Net SN Suns: R. Camilleri 9, H. Agius 11, M. Barberi 9, R. Mercieca 8, R. Camilleri 6.

Referees: Jean Paul Sammut, Brian Sly.

Athleta 38

Starlites Ker Grill 40

(7-12)(11-10)(6-8)(14-10)

Starlites Ker Grill ukoll ikkwalifikaw għas-semifinali tal-Bank of Valletta knock-out meta f’partita ta’ skor baxx għelbu lil Athleta 40-38. Kif juri l-iskor il-partita kienet waħda nċerta sal-aħħar sekondi għalkemm spikkaw id-diversi turnovers fuq iż-żewġ naħat. Athleta ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 5-3 fl-ewwel tlett minuti. Starlites wieġbu b’run ta’ 10-0 fosthom trippla ta’ Robert Bonnici qabel ma’ Ivan Buldakov għalaq l-ewwel sessjoni bl-Athleta 5 minn taħt 7-12. Fit-tieni perjodu l-vantaġġ ta’ Starlites kiber għal 10 punti 18-8 pero’ Buldakov għamel trippla biex l-Athleta reġgħu resqu viċin. Athleta għalqu s-sessjoni b’run ta’ 7-2 biex fil-mistrieħ kien hemm 4 punti jifirdu liż-żewġ timijiet bi Starlites 22-18 minn fuq.

It-tielet sessjoni kienet nieqsa ferm mill-punti bl-ewwel basket jasal minn Roberto Formosa fir-raba’ minuta. Il-punti baqgħu ġejjin bil-mod u wara trippla ta’ Mark Spiteri għall-Athleta, Starlites għamlu break qasir ta’ 6-1 u kienu sitta minn fuq 30-24. Fl-ewwel żewġ minuti tal-aħħar sessjoni, Starlites għamlu 5 punti biex fetħu vantaġġ ta’ 11-il punt 35-24. Hawn waslet reazzjoni sabiħa minn Athleta b’run ta’ 10-0 b’żewġ trippli ta’ Buldakov li ressqithom punt viċin 34-35. Punti minn Abraham Portelli taw ftit tan-nifs lil Starlites pero’ Athleta fl-aħħar 20 sekonda reġgħu ġew punt biss minn taħt 38-39. L-aħħar pusses kien ta’ Starlites li għalqu l-logħba bi free-throw ta’ Bonnici biex ħarġu rebbieħa 40-38.

Athleta: J. Chircop, K. Cucciardi, A. Baldacchino, S. Aquilina 6, J. Muscat, L. Fenech, M. Spiteri 5, R. Formosa 14, I. Buldakov 13.

Starlites Ker Grill: B. Riolo, I. Riolo 5, R. Bonnici 17, D. Sultana, F. Bartolo 1, S. Bonnici, A. Cutajar, A. Portelli 11, S. Gouder 11.

Referees: Jean Paul Sammut, Alfred Carbonaro

Mellieħa Tritones 63

Floriana Eurobasket Peugeot 91

(13-25)(19-17)(9-28)(22-21)

Floriana Eurobasket Peugeot saru t-tielet team li għadda għas-semifinali wara rebħa faċli fuq Mellieħa Tritones 91-63. Mellieħa baqgħu fil-partita sal-mistrieħ pero fit-tielet sessjoni kienu affetwati mit-tgergir kontinwu tal-player tagħhom Sassoun Saakian u Floriana approfittaw. Bidu tajjeb mil-greens rahom jiftħu vantaġġ ta’ 9 punti f’nofs l-ewwel sessjoni 13-5 b’Ian Mercieca jagħmel trippla. Wara trippla ta’ Saakian għal Mellieħa, Floriana wieġbu b’run ta’ 9-3 u kienu 12 minn fuq 25-13. Mellieħa fetħu t-tieni perjodu b’5 punti konsekuttivi. Hawn Floriana għamlu reazzjoni immedjata b’run ta’ 13-3 bi three pointers ta’ Neville Mercieca u Rihards Polis. Pero Mellieħa wieġbu b’run ta’ 11-5 biex daħlu jistrieħu 10 minn taħt 32-42.

It-tielet perjodu beda b’baskets fuq kull naħa u sa nofshu Floriana kienu 12 minn fuq 48-36. Hawn pero beda l-qrid ta’ Saakian u Floriana għamlu run qawwija ta’ 22-5 b’diversi punti tal-aħwa Chris u Steve Sammut u temmew is-sessjoni 70-41 minn fuq. L-aħħar sessjoni kienet iktar miftuħa u bilanċjata fejn Mellieħa bdew bi trippla ta’ Matthew Cauchi bi Steve Sammut iwieġeb għal Floriana. Fil-ħames minuta Floriana bdew break ta’ 8-2 li rahom ikabbru l-vantaġġ għal 33 punt 89-53. Mellieħa għamlu l-aħħar run ta’ 10-2 pero’ kienu Floriana li ħarġu rebbieħa 91-63.

Mellieħa Tritones: M. Cauchi 15, S. Saakian 18, E. Farrugia 3, P. Cauchi 3, O. Sammut 5, J. Aquilina 16, M. Camilleri 3.

Floriana Eurobasket Peugeot: J, Curmi 4, M. Ciantar 6, C. Sammut 18, A. Pace 5, I. Mercieca 15, N. Mercieca 5, R. Polis 8, J. Tanti 1, S. Sammut 17, D. Deguara, B. Aquilina 12.

Referees: Emanuel Mangani, Brian Sly.





Leave a comment