Jintemm staġun ieħor

Thursday, June 3, 2010, 14:44

Issa li l-futbol għall-klabbs wasal għal kollox fi tmiemu, kulħadd jibda jitkellem fuq it-Tazza tad-Dinja. Ippermettuli iżda biex nitkellem fuq suġġetti oħrajn li ġabu xi ftit diskussjoni matul din il-ġimgħa.

Jekk kien hemm tim fl-aħbarijiet din il-ġimgħa kien it-tim ta’ Inter. Tim li wettaq dak li l-ebda tim Taljan qabel ma għamel, ċioe dik li jirbaħ il-kampjonat, it-tazza Taljana u ċ-Champions League. Mhux hekk biss iżda Inter reġgħu ġabu fuq il-mappa tal-Ewropa, pajjiŻ li kien intesa fl-ogħla pożizzjonijiet tal-futbol ta’ klabb. Kien suċċess meritat għax kien it-tim li barra l-kwalitajiet tekniċi li kellu, kien ukoll l-aktar tim kattiv u għattxan għar-rebħ.

Kien it-tim li reġa’ ġġenera plejers li kienu mwarrbin, bħal Sneijder li kien tneħħa minn Real Madrid, u Eto’o li kien imneħħi minn Barċellona. Kien it-tim ukoll li wera l-kollettiv, bl-ebda plejer ma jkun prima donna. Forsi spikkat fuq kulħadd il-figura ta’ Jose Mourinho, l-kowċ tant diskuss. Jien għandi antipatija kbira lejn dan il-kowċ, li iżda jidher li huwa l-iskop ta’ ħajtu li jidher antipatiku. Mourinho, li l-ewwel kien ma’ Porto u rnexxielu b’sorpriŻa jsir ċampjin tal-ewropa, imbagħad mar mat-tim multimiljunarju ta’ Chelsea u jirbaħ iżda mhux fl-Ewropa. Wara mar ma’ tim ieħor li jista’ jagħtih garanzija ta’ ‘money no problem’, Inter, fejn rebaħ dak li kowċis oħra ma għamlux fl-aħħar 45 sena.

Iżda fil-mument ta’ glorja, meta anke jien li m’iniex partitarju ta’ Inter, fraħt u ħadt pjaċir nara lill-partitarji u plejers jieħdu pjaċir, hawn toħroġ l-antipatija ta’ raġel li dejjem hu u huwa biss irid ikun protagonista. Fl-isbaħ mumenti baqa’ Madrid u ma marx lura Milan mal-kumplament ta’ tim. Ftit wara ħabbar li ser jitlaq. Li wieħed jitlaq wara li rebaħ kollox hija deċiżjoni tajba, iŻda personalment kont nistenna li jisbaħ il-Ħadd filgħodu biex jagħmel dan. U fejn għażel Mourinho? GħaŻel tim ieħor li għandu motto ta’ ‘money no problem’, Real Madrid. Bħal Inter, Real huma għattxana għas-suċċess għax ilhom ma jirbħu, u ftit li xejn tista tiġieh agħar mill-kowċis ta’ qablu. DeċiŻjoni ġusta minn kowċ bravu, iŻda li jaf fejn jitfa’ saqajh.

Lura għal Inter. Polemika oħra li qamet ftit li xejn tagħmel sens. Dik li fit-tim m’hemmx plejers Taljani. F’dinja globalizzata bħal din, li jkollok tim kollu barranin, tagħmel sens, u jekk Inter iħossu li l-barranin irendu iktar mit-Taljani, anke fil-kampjonat Taljan, allura jagħmlu sew. Issa min ġej wara Mourinho jrid ikollu l-kuraġġ li jidhol f’tim li din is-sena l-aktar li jista’ jagħmel huwa li jirbaħ daqs ta’ qablu. Xi ħaġa li qatt ma saret u diffiċli jekk mhux impossibli li ssir. Qed jissemmew ħafna kowċis, iżda fil-pole position jien inpoġġi lil Fabio Capello. Intom x’taħsbu?

Din il-ġimgħa ttieħdu deċiżjonijiet importanti wkoll mill-Malta Football Association, fejn fetħu iktar minn qabel, is-suq ta’ barranin fil-logħba Maltija. Issa jistgħu jkunu erbgħa l-plejers barranin li jilgħabu fil-Premier u għall-ewwel darba ser ikollna barranin fit-tieni u t-tielet diviżjoni. Ħafna mill-klabbs il-kbar isostnu li xi drabi aħjar ikollok barrani milli Malti. Issa sta għall-klabbs Maltin li jagħtuna raġun fuq dan. Plejer barrani l-ewwel nett irid ikun ta’ livell superjuri għal dak Malti. Mhux hekk biss, iżda plejer barrani għandu jkun ta’ servizz lill-klabb fis-settur taż-żgħażagħ, u anke jiġi utilizzat b’mod professjonali.

Minħabba li klabb tal-Premier issa jista’ jkollu mill-inqas erba’ plejers barranin, issa nistgħu nersqu iktar għal dak li għamlu Valletta, li l-klabbs jiftħu parti professjonali. Il-kowċis inkarigati għandhom jaraw li jkun hemm programm ta’ taħriġ filgħodu u filgħaxija, biex il-plejers jitħarrġu iktar u l-livell jitjieb. Onestament stennejt ukoll li l-format farsesk tal-kampjonat ta’ pajjiżna jinbidel ukoll. Malta hu l-uniku pajjiż fejn mhux bil-fors li t-tim li jġib l-aktar punti, jieħu l-kampjonat. Iżda jidher li l-klabbs huma kuntenti u allura tħalla kollox kif inhu.

Matul din il-ġimgħa f’Malta kienet organizzata konferenza ta’ Presidenti u Segretarji tal-Kumitati Olimpiċi Ewropej, laqgħa tal-EŻekuttiv tal-Logħob tal-Mediterran u Seminar tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. Dawn kollha ġew organizzati fi spazju ta’ ftit jiem, u minn dak li smajt mill-barranin, l-organizzazzjoni kienet waħda perfetta.

L-organizzazzjoni kienet fdata f’idejn il-Kumitat Olimpiku Malti, li bi sforz kollettiv tal-volontarji tiegħu fl-EŻekuttiv, u oħrajn, irnexxielu jagħmel dan b’mod eċċellenti. L-KOM huwa rispettat ħafna barra minn xtutna u nittama li anke f’Malta, mhux biss ikun apprezzat iktar, iŻda anke fdat iktar. Fl-aħħar sena, jiena ħdimt f’dan il-Kumitat, sibt nies dedikati ħafna li jħallu xogħol personali tagħhom biex jaħdmu volontarjament għall-ġid tal-isport. Nistqarr ukoll li minn barra, però, sibt ukoll ħafna nies li jridu jfixklu u li xi kultant tistaqsi, imma x’qed nagħmel hawn jien?

Fil-ġimgħat li ġejjin jien lest li nkun aktar speċifiku dwar dan kollu, u kif tafu meta nikteb din il-kolonna, jien niktibha fl-opijoni personali tiegħi u mhux ser ikun ħadd li jwaqqafni milli nagħmel dan.





Leave a comment