Jingħataw l-aħħar dettalji rigward l-Imdina Grand Prix 2012
Thursday, May 17, 2012, 21:47minn Stephen Azzopardi
Ilbieraħ quddiem lukanda prestiġjuża fl-Imdina ngħatat konferenza stampa biex tinawgura t-tieni edizzjoni tal-Mdina Grand Prix. Il-membri tal-Valletta Grand Prix Foundation urew is-sodisfazzjon tagħhom għal ghajnuna mogħtija mill-Kunsilli Lokali tal-Mdina, Mtarfa u Rabat, flimkien mal-Awtorita Maltija għat-Turiżmu (MTA), l-Kunsill Malti għall-Isport (KMS), Transport Malta (TM), il-Ministeru tal-Infrastruttura, Trasport u Kommunikazzjoni (MITC) u l-Pulizija, kif ukoll Old Motors Club (OMC), Island Car Club (ICC), Malta Motorsports Federation (MMF), Malta Drag Racing Association (MDRA) u diversi kumpaniji oħra li huma l-isponsors uffiċċjali ta’ din l-attivita.
Minbarra l-Mdina Grand Prix 2012 li se ssir bejn il-11 u t-13 t’Ottubru ġiet imħabbra attivita oħra. Għal sena oħra fis-7 ta’ Ġunju se ssir il-Festival of Speed ġewwa Ħal-Far. Dan l-avveniment se jkun miftuħ għal kull tip ta’ karozzi klassiċi. Se jkun hemm wirjiet statiċi kif ukoll tiġrijiet tal-kwart ta’ mil u tiġrijiet oħrajn kompetitivi.
Preżenti dalgħodu kien hemm ukoll is-Sindku tal-Imdina Peter dei Conti Sant Manduca, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport l-Onoroveli Clyde Puli u l-Ministru għat-Turiżmu l-Onorevoli Dr. Mario De Marco. Is-Sindku tal-Mdina fi ftit kliem wera s-sodisfazzjon tiegħu għal attivita hekk importanti bħalma hi l-Mdina Grand Prix. Is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli qal li din l-attivita turi l-ħidma li qed issir f’dawn l-aħħar 3 snin biex jinħoloq aktar Turiżmu Sportiv f’Malta. Hija għalhekk opportunita li tista ġġib aktar turizmu sportiv lejna pajjiżna. F’dawn l-aħħar 3 snin it-Turiżmu Sportiv ġab 7.5 miljun Ewro fl-Ekonomija Maltija, fejn 700 mitt Elf Ewro minnhom marru għal benefiċċju ta’ dawk l-ghaqdiet sportivi li organizzaw diversi attivitajiet f’pajjiżna.
Fi kliem il-Ministru Dr. Mario De Marco, l-Mdina Grand Prix 2012 hija attivita nteressanti għax tgħaqqad il-passat mal-futur. Dan jgħin billi noħorġu l-patrimonju ta’ pajjiżna u nuru x’nistgħu noffru għal futur. Tispikka d-dedikazzjoni ta’ ħafna nies li għandhom għal qalbhom id-delizzju awtomobilistiku f’pajjiżna matul iż-żminijiet. Fil-passat kellna l-Valletta Grand Prix iżda din is-sena wkoll għal raġunijiet loġistiċi din l-attivita se terġa ssir fil-konfini tal-Mdina, Rabat u Mtarfa. Fi kliem il-Ministru De Marco l-ambjent Rabti u s-swar tal-Mdina għandhom ikunu ta’ sfond tajjeb għall-Mdina Grand Prix 2012.
It-Turiżmu Sportiv f’Malta jinkludi diving, rock climbing, football training camps u taħriġ tal-waterpolo fix-xitwa. Trid tingħeleb l-istaġjonalita fit-turiżmu lejn Malta. Huwa importanti li fix-xitwa jkollna wkoll turiżmu sostennibli permezz tat-Turiżmu Sportiv. L-MTA u l-KMS żiedu l-fond għat-Turiżmu Sportiv bi 350 elf Ewro biex jattiraw u jinċentivaw aktar l-għaqdiet sportivi Maltin.
Aktar dettalji dwar l-Mdina Grand Prix 2012 jinsabu fis-sit uffiċċjali li hu www.vallettagrandprix.com
