Jingħalaq l-ewwel rawnd tal-istaġun tal-futsal

Sunday, December 24, 2017, 15:48

Ingħalaq defintivament l-ewwel rawnd tal-kampjonat lokali tal-futsal, bl-aħħar żewġ logħbiet li ntlagħbu nhar it-Tnejn 18 ta’ Diċembru.

Luxol ixxallaw bil-kbir, b’rebħa ta’ 24-1 fuq it-tim tal-Junior College, filwaqt li Tarxien JMI għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 9-1.

Fil-klassifika Valletta b’punti massimi bi 33 punt, segwiti minn Luxol bi 30, Swieqi United 25, Hamrun Tre Angeli 22 u Mriehel ESS fil-ħames post u b’hekk huma wkoll fl-Elite b’21 punt.

Fis-sitt post insibu lit-tim tal-Università b’20 punt, segwiti minn Pietà Nordiska li baqgħu bi 15-il punt. Imbagħad insibu lil Tarxien JMI bi tnax-il punt u Qormi baqgħu b’disa’ punti. Fin-naħa t’isfel, Marsaskala b’sitt punti, it-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United bi tliet punti u t-tim tal-Junior College mingħajr l-ebda punt.

L-istaġun tal-futsal jissokta nhar il-Ħamis 11 ta’ Jannar b’żewġ logħbiet mill-kwarti tal-finali tan-Knock Out. Fl-ewwel logħba jkollna Luxol kontra Marsaskala u wara Valletta kontra l-Università ta’ Malta. L-għada l-Ġimgħa 12 ta’ Jannar Hamrun Tre Angeli jilagħbu kontra Tarxien JMI u wara Swieqi United kontra Pietà Nordiska.

Il-kampjonat ikompli l-ġimgħa ta’ wara bi tliet logħbiet mill-Ewwel Diviżjoni. It-Tnejn 15 ta’ Jannar l-Università ta’ Malta jilagħbu kontra t-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United u Pietà Nordiska kontra Marsaskala. Il-Ġimgħa 18 ta’ Jannar jerġgħu jiltaqgħu Tarxien JMI kontra Qormi.

Il-kamponat tal-Elite jibda l-Ġimgħa 26 ta’ Jannar b’żewġ logħbiet ferm interessanti li huma Valletta kontra Luxol u Hamrun Tre Angeli kontra Swieqi United.





Leave a comment