- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Jinfetaħ l-istaġun bil-finali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Super Cup

Posted By Sportinmalta On October 3, 2015 @ 12:33 am In Basketball,Featured | No Comments

Jinfetaħ uffiċjalment l-istaġun lokali bil-finali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Super Cup - Finali tal-irġiel numru 26 fl-istorja

Gavin Muscat

Il-kompetizzjonijiet uffiċjali tal-basketball fl-għola livell maskili u femminili jibdew nhar il-Ħadd li ġej, 4 ta’ Ottubru, bil-finali rispettivi tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Super Cup.

Minn naħa maskili, l-istaġun uffiċjali l-ġdid jibda billi jlaqqa’ l-istess żewġ timijiet li għalqu l-aħħar staġun hekk kif iċ-ċampjins il-ġodda Falken Cynergi jiffaċjaw lil Gżira Athleta, rebbieħa tal-kompetizzjoni KO fl-2015.

Il-finali ta’ nhar il-Ħadd, li tibda fl-4.30pm, se tkun is-26 il-finali tas-Super Cup fl-istorja.

Infatti, fl-istorja tal-kompetizzjoni, Gżira Athleta huwa t-tim li l-aktar daq suċċessi meta għolla din it-tazza tnax-il darba, inkluż l-aħħar sitt edizzjonijiet rispettivi mill-istaġun 2009/10.

Il-coach ta’ Athleta, Joe Galea, li se jirritorna fuq il-bank wara li tilef il-kompetizzjoni pre-season tat-Tazza tal-Indipendenza minħabba sospensjoni qal “bħala l-aktar tim ta’ suċċess fl-aħħar 15-il sena, aħna se nimmiraw li nerġgħu nżidu s-Super Cup mal-lista ta’ unuri tal-klabb. Il-fatt li saret l-amalgamazzjoni ma’ Gżira għandu jagħti aktar motivazzjoni lill-players biex nirbħu l-ewwel tazza taħt l-isem il-ġdid.”

Athleta, li ngaġġaw liċ-ċentru Amerikan Markus Montague, ma kienux bl-aqwa formazzjoni fit-Tazza Indipendenza ġimgħatejn ilu pero Joe Galea stqarr li “għandna ninżlu bl-aqwa team possibli għall-finali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Super Cup inkluż ir-ritorn tal-plejers bl-esperjenza Michael Naudi u Roderick Vella.”

Minn naħa l-oħra, Falken Cynergi Virtus, friski mill-ewwel kampjonat mirbuħ f’Mejju li għadda u minn suċċess fit-Tazza Indipendenza, se jkunu qed jimmiraw li jsiru l-ħames tim fl-istorja li jirbaħ is-Super Cup (rebbieħa l-oħra huma Luxol (7 darbiet inkluż l-ewwel edizzjoni fl-1991), Depiro (5) u Ħamrun Liberty (1)).

Il-coach tat-tim Paul Ferrante qal li huwa dejjem jistenna prestazzjoni pożittiva mit-tim anke peress li l-fatt li tilgħab kontra Athleta f’finali dejjem offra motivazzjoni għolja lill-plejers tiegħu. Huwa kompla, “fl-istaġun li għadda, lagħbna tliet finali kontra Athleta, Shield, KO u l-finali tal-playoffs tal-kampjonat. Apparti dak kollu li jkun mistenni qabel finali, il-fatt li Athleta għandhom ikollhom numru ta’ plejers ta’ esperjenza fit-tim nhar il-Ħadd żgur li ghandu jgħin lilna biex nibqgħu ffukati fit-tħejjija għal-finali. L-aversarji tagħna għandhom plejers li ilhom fil-quċċata tax-xena lokali, plejers li jistħoqqilhom rispett and dawn żgur se jkunu għadma iebsa biex jingħelbu fil-finali”.

Il-finali tal- Għaqda Ġurnalisti Sport Super Cup femminili se tintlagħab ukoll nhar il-Ħadd 4 ta’ Ottubru meta fit-2.45pm ic-ċampjins renjanti Caffe Moak Luxol jilgħabu kontra Athleta fil-25 il-finali tas-Super Cup tan-nisa fl-istorja.

Luxol, li kienu l-ewwel rebbieħa ta’ din it-tazza fl-1992, rebħu s-Super Cup fl-aħħar erba’ staġuni and se jkunu qed jippruvaw jagħmluhom sebgħa fl-istorja tagħhom u b’hekk jaqbżu wkoll lil Depiro li wkoll bħalissa għandhom sitt suċċessi fis-Super Cup. Hibernians jibqgħu l-aktar tim rebbieħ tat-tazza b’disa’ suċċessi fl-istorja.

Iċ-ċampjins, issa mmexxija minn Charles Bonnici, għelbu lil Athleta 48-26 fit-Tazza Indipendenza f’logħba ta’ 30 minuta pero l-andament jista jkun differenti fl-ewwel logħba uffiċjali staġjonali nhar il-Ħadd.

Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni KO Athleta, taħt il-gwida ta’ Ruth Spiteri, se jkunu qed jagħmlu l-ewwel dehra tagħhom f’finali tas-Super Cup mill-1998. Il-klabb rebaħ din it-tazza darbtejn, fl-1995 u l-1998 rispettivament u din se tkun l-ewwel darba fl-istorja li Luxol u Athleta se jiltaqgħu f’finali tas-Super Cup femminili.

—————————————————————————————————————————————————————————————————————–

Team photo of the Pre-Season Independence Cup winners Falken Cynergi Virtus

Photo of the two coaches of the Malta Sports Journalists Super Cup Men Final: Joe Galea (Gzira Athleta) and Paul Ferrante (Falken Cynergi Virtus)

 

 


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/jinfetah-l-istagun-bil-finali-tal-ghaqda-gurnalisti-sport-super-cup/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.