Jinfetaħ is-seminar Engaging Skillful Volunteers

Sunday, December 4, 2016, 12:07

Gavin Muscat

‘Il-volontiera għandhom jingħataw il-ġieħ li jixraqilhom, filwaqt li l-Gvern għandu jagħmel minn kollox sabiex jagħti l-ħiliet neċessarji sabiex dawn in-nies ikunu rikonoxxuti u ċertifikati.’  Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius waqt il-ftuħ uffiċjali tas-seminar Engaging Skillful Volunteers.   Dan is-seminar ta bidu għall- attivitajiet tal-isport relatati mal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea,  li SportMalta qed torganizza f’pajjizna.   

Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li għalkemm qed isir bosta xogħol f’dan il-qasam għadna ma wasalniex għat-tragward li ħafna mill-assoċjazzjonijiet sportivi jkollhom ħaddiema full-time jaħdmu magħhom.  Huwa għalhekk saħaq dwar l-importanza tal-korsijiet li qed isiru sabiex nassiguraw li nissalvagwardjaw il-voluntiera kif ukoll nagħtuhom il-ħiliet meħtiega sabiex jibqgħu jirnexxu.  Huwa semma kif dan is-seminar qed isir eżatt ġurnata qabel laqgħa importanti li ser issir f’pajjizna, hekk kif Malta ser tospita wkoll il-laqgħa tal-espert fi Rizorsi Umani fl-isport.  Dan il-grupp ta’ esperti qed jaħdem fuq hames dokumenti li t-temi tagħhom ivarjaw mid-diplomazija fl-isport għall-dual careers u l-qasam tal-volontarjat.

Is-Seminar ta’ ġurnata ffoka fuq temi diversi relatati mal-volontarjat fl-isport fosthom il-governanza tajba u l-irwol tal-voluntiera.   Saru wkoll diversi workshops li fihom l-parteċipanti setgħu jaqsmu ideat u jisimgħu dwar prattiċi tajba li diġa jeżistu f’assocjazzjonijiet jew pajjizi oħra fosthom dwar kif voluntier jista’ jsib impjieg fl-isport, l-irwol tal-genituri bhala voluntiera u voluntiera f’avvenimenti kbar.   Minbarra dan setgħu wkoll jesploraw mezzi ta kif il-volontarjat fl-isport jista’ jkun inkoraġġit u rikonoxxut.

Waqt il-ftuħ uffiċjali tkellem wkoll Mark Cutajar li barra li huwa d-Direttur Ġenerali tal-Isport huwa l-Kap Ezekuttiv ta’ Sportmalta.  Huwa, qal li huwa ta’ unur għal SportMalta li ġie fdat mill-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex jikkordina l-parti tal-isport fil-Presidenza Maltija ghall-Unjoni Ewropea. Malta ser ikollha l-inkluzzjoni soċjali u l-qasam tal-volontarjat bħala prijorita u għalhekk is-seminar tal-lum ser ikun il-bidu ta’ inizjattiva wiesgħa u twila li ser twassal għall-konkluzjonijiet fix- xhur li ġejjin.  Cutajar semma wkoll li Malta għandha wkoll sfida ikbar dik li tgħaqqad il-Work Plan tal-Unjoni Ewropea għas-snin li ġejjin.  Barra minn hekk Marzu ser ikun xahar ieħor impenjattiv u mimli attivita  fejn Malta ser tospita l-European Sport Forum, l-European Youth Sport Forum u id-Directors General Meeting fost attivitajiet oħra.

Għal dan l-ewwel avveniment tal-Presidenza Maltija kien hemm iktar minn mitt parteċipant minn assoċjazzjonijiet lokali, ħaddiema ta’ SportMalta u numru sabiħ ta’ rappreżentanti ta’ membri Stati Ewropej.  Fost il-kelliema, Prof. Thierry Zintz mill-Universita ta’ Louvain fil-Belġju u Dr. Geoff Nichols mill-Universita ta’ Sheffield fir-Renju Unit.  Preżenti wkoll rappreżentanti  mill-Kummisjoni Ewropea u l-Presidenza Slovakka.

Waqt is-seminar tnediet wkoll il-website li SportMalta varat.  Il-website tagħti informazzjoni vasta dwar l-attivitajiet kollha li ser jkunu organizzati f’Malta tul is-sitt xhur tal-Presidenza Maltija għall-Unjoni Ewropea.  Minbarra hekk f’din il-website wieħed isib id-dokumenti li ser ikunu qed jintużaw f’laqgħat diversi li ser ikunu organizzati f’Malta li hija www.eu17sportmalta.com.

Ritratti- DOI u Pierre Sammut





Leave a comment