Jiġi fi tmiemu staġun ieħor ta’ suċċess għall-ASMK

Friday, July 13, 2018, 12:36

Nhar is-Sibt li għadda l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) għalqet l-istaġun 2017/2018 tal- Kampjonat Nazzjonali Autocross sponserjat mid-ditta Pasta Poiatti. Din kienet it-tnax u l-aħħar tiġrija tal-kampjonat iżda kienet il-ġurnata li fiha saret il-Van Demolition Derby 2018 li ilha ma ssir għal dawn l-aħħar 24 sena.

Ħarsa lejn l-Autocross fejn 20 karozza irreġistraw għal din il-kompetitzzjoni maqsuma f’tliet klassijiet, dik Modified, Standard u oħra għal sewwieqa Għawdxin. Matul il-Heats tal-ġurnata fil-Klassi Modified rajna Karl Micallef fuq Ford Fiesta iddomina u assigura postu fil-Finali A tal-ġurnata. Miegħu ikkwalifikaw Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo, Jean Paul Grech fuq Peugeot 106, Melo Zammit u Jonathan Camilleri it-tnejn fuq Opel Corsa u Ryan Scicluna fuq Ford Fiesta.

Mat-tluq ta’ din il-finali Grech u Micallef għamlu ħrug tajjeb ħafna bi Grech jieħu tmun tal-finali segwit minn Micallef u Zammit. Tul id-disa’ dawriet ma rajna l-ebda tibdil bis-sewwieqa jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom sal-aħħar. Grech rebaħ il-Finali A segwit minn Micallef u Zammit. Fir-raba’ post spiċċa Camilleri filwaqt li fil-ħames u s-sitt post daħlu Scicluna u Farrugia rispettivament.

Fil-Finali Autocross Modified Klassi B, fNoel Zammit fuq Fiat Punto rebaħ din il-finali segwit minn Joseph Spiteri fuq Opel Corsa u Brandon Lee Vassallo fuq Peugeot 205. Fir-raba’ post daħal Keith Borg fuq Vauxhall Nova.

Lucas Pace fuq Citroen AX rebaħ il-finali tal-Klassi Standard segwit minn Nicovich Chircop fuq Peugeot 106 u Jerome Peplow fuq Kia Avella. Fir-raba’ post daħal Chris Formosa fuq Ford Fiesta. Mis-sewwieqa Għawdxin, George Scerri fuq Citreon AX rebaħ din il-finali segwit minn Chris Sultana fuq Daewoo Racer filwaqt li fit-tielet post spiċċa Clayton Cardona fuq Peugeot 106.

L-Assoċjazzjoni ħabbret uffiċjalment iċ-Ċampjin u Runner-up mill-Kampjonat Nazzjonali Autocross ASMK Pasta Poiatti 2017/2018. Vince Farrugia huwa r-rebbieħ tal-Kampjonat Nazzjonali Autocross 2017/2018. Farrugia ser ikun qed iniżżel ismu għall-ewwel darba bħala Ċampjin f’din il-klassi. Matul dan l-istaġun Farrugia kien segwit minn Karl Micallef fuq Ford Fiesta.

l-Assoċjazzjoni tonora wkoll dik il-klassi li minkejja mhijiex Kampjonat Nazzjonali xorta tirrikonoxxi lir-rebbieħ tagħha. Fil-Autocross Klassi B Ryan Scicluna fuq Ford Fiesta irreġistra rebħa fil-klassifika Overall. Scicluna kien segwit minn Keith Borg fuq Vauxhall Nova.

Il-program spiċċa bil-Van Demolition Derby 2018 fejn l-intress għal din id-Demolition ġie mill-kompetituri stess li matul dan l-istaġun għamlu tant sforzi biex isibu vannijiet kbar. B’din id-Demolition inkunu qed nikkontribwixxu favur l-ambjent billi nkomplu nnaqqsu iktar vetturi mit-toroq L-Assoċjazzjoni matul dan l-istaġun organizzat tliet Demolition Derbies fejn irnexiellha tneħħi mit-toroq Maltin xejn inqas minn 90 vettura kbar u zgħar.

Intant għal din l-edizzjoni reġisrtaw 13 il-van iżda 9 biss irnexxielhom jaslu sa fuq il-linja tat-tluq bis-sewwieqa jkunu Mauro Cassar fuq Tata Sumo, Leo Butler fuq Fiat Ducato, Massimo Borg fuq Toyota Lite-Ace, Michael Delia fuq Tata Safari, Larkin Butler fuq Peugeot Boxer, Karl Mizzi fuq Ford Transit, Jason Magro fuq Tata Safari, Frank Butler u Marlon Cassar it-tnejn ikkompetew fuq Tata Sierra.

Mat-tluq tad-Demolition rajna show organizzata bejn is-sewwieqa b’sorpriza lil pubbliku prezenti li  qatt ma stennew fejn Van Piaggo ħareg mill-Van il-kbir ta Larkin Butler u skorta lil vanijiet matul iż-żewġ dawriet li ssoltu jagħmlu qabel tibda id-Demolition. Wara din il-Van iż-żgħir ħareġ mill-korsa u bdiet id-Demolition fejn tawna spettaklu ta’ daqqiet tekniċi u damet sejra madwar 30 minuta. It-taqtigħa tal-aħħar tiġbed l-attenzjoni ta kulħadd. Dan minħabba l-istat tal-vetturi involuti li jkunu tista tgħid ma jintgħarfux. F’din it-taqtigħa spiċċaw Michael Delia u Larkin Butler fejn rajna lil Delia li lejn it-tmiem ipprova jerġa’ jistartja l-magna wara li kellu battalja sħiħa biex wasal fejn wasal. Dan ukoll mhux wisq inqas għal Larkin li wkoll ma kienetx faċli jkompli. Minkejja li Delia irnexxielu jerġa jistartja, il-ħsara li kellu fir-rota ta’ quddiem kienet wisq diffiċli biex ikompli jsuq. Minkejja li dan xorta ipprova jinqala iddeċieda li jitfi l-magna biex Larkin Butler fuq Peugeot Boxer spiċċa rebaħ din id-Demolition u Delia rebaħ ir-Runner-Up.

L-Assoċjazzjoni tirringrazzja lil kull min ħa sehem matul dan l-istaġun 2017/2018, l-isponsors Pasta Poiatti, Gasan Zammit Motors bid-ditta Honda, Wotomoto bid-ditta Beta u diversi ditti oħra zgħar għas-sapport tagħhom.

L-Assoċjazzjoni tieqaf mill-attivitajiet f’dawn ix-xahrejn biex tgħaddi mill-proċess u telleġġi Uffiċjali għas-sentejn li ġejjin kif ukoll Kumitat għas-sezzjonijiet fi ħdan l-Assoċjazzjoni. L-Attivitajiet jirritornaw f’Settembru għal staġun ġdid.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha fis-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni li hu www.asmk.org.mt jew fil-paġni Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assocjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew mobile 9942 5489.

Rittratti ta’ Mario Micallef





Leave a comment