Jiftaħ l-istaġun ASMK Wotomoto Enduro

Wednesday, November 7, 2018, 8:20

Nhar il-Ħadd li ġej jiftaħ il-Kampjonat Nazzjonali WotoMoto Enduro 2018/2019. Dan l-istaġun se jkun mifrux fuq sitt attivitajiet, ħames tiġrijiet f’Malta u waħda f’Għawdex. Għal darb’oħra diversi sidien tal-barrieri madwar Malta u Ghawdex se jippermettu li l-barriera tagħhom tinbidel u tkun tista ssir l-attività bil-Muturi Enduro. Għaldaqstant, l-ewwel attività se ssir fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali u l-programm jibda fl-għaxra ta’ filgħodu.

Għat-tieni staġun konsekuttiv id-ditta BETA mill-Kumpanija Wotomoto Ltd se terġa’ tkun l-isponsor ewlieni tal-‘Enduro BETA Challenge 2018’ sa mil-ewwel attività tal-kampjonat. L-ewwel ġurnata se tkun tikkonsisti f’tiġrija kontra l-ħin għall-kompetituri kollha fuq il-korsa fil-kumpless tal-ASMK. Ir-rebbieħ tal-ġurnata li jirreġistra l-inqas ħin fit-tiġrija kkontrollata b’sistema elettronika, minbarra t-tazza se jieħu wkoll miegħu mutur BETA RR 2T 300cc ġdid. Dan il-mutur qed jingħata għal sena biex ir-rebbieħ jipparteċipa l-istaġun kollu bih kif ukoll jagħmel it-taħriġ li jkun hemm bzonn bħala preparazzjoni għal kull attività.

F’dan l-istaġun tal-Enduro se tidħol fis-seħħ regola dwar il-mod ta’ kif joħroġ ir-riżultat finali. Dan wara li fl-istaġun li għadda żewġ kompetituri spiċċaw bl-istess punteġġ. Intant, il-Kumitat Enduro iddeċieda li f’dan l-istaġun ir-riżultat mhux se joħroġ fuq l-aħjar ħin minn żewġ tiġrijiet iżda se joħroġ riżultat fuq sistema internazzjonali, fejn ir-rebbieħ ikun dak li jirreġistra l-inqas ħin minn żewġ heats li jsiru f’kull attività. Hekk huwa ferm diffiċli li jkun hemm parita bħal ma kien fl-istaġun li għadda u l-kampjonat jintrebaħ skont il-ħin.

Intant nhar il-Ħadd li għadda kellu jibda l-istaġun tal-Karozzi Autocross iżda l-ewwel attività mill-Kampjonat Nazzjonali Autocross ASMK Pasta Poiatti 2018/2019 kellha tiġi posposta. Dan ġie deċiż kmieni l-Ħadd filgħodu wara x-xita li għamlet matul il-lejl tas-Sibt. Il-Kumitat Autocross ħabbar li din l-attività se ssir nhar il-Ħadd 18 ta’ Novembru 2018 u tibda fl-għaxra ta’ filgħodu.

Għal aktar informazzjoni idħlu fuq is-sit elettroniku tal-ASMK li hu www.asmk.org.mt jew sibu l-paġna tagħna fuq Facebook.

Ritratti ta’ Mario Micallef mill-attivita Enduro Beta Challenge 2017





Leave a comment