Jiftaħ l-istaġun 2018/19 tal-ASMK

Wednesday, October 17, 2018, 10:15

Nhar il-Ħadd 21 ta’ Ottubru l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi ser tiftaħ l-istaġun tal-attivitajiet bil-karozzi u l-muturi 2018/2019. Matul dan l-istaġun ser naraw diversi attivitajiet mis-Sezzjonijiet Autocross, Demolition, Enduro, Motocross u Trials li b’kollox hemm ippjanat 39 attività għal matul dawn id-disa’ xhur li ġejjin.

Intant fit-tmexxija l-ġdida fil-Motocross wara l-aħħar Laqgha Ġenerali rajna nies ġodda jidħlu fit-tmexxija. James Mamo u Michael Sant għal l-ewwel darba ġew eletti biex jirraprezentaw din is-sezzjoni fil-Kumitat Ezekuttiv. Dan ikompli jikkumplimenta mat-tim li kien hemm fl-aħħar staġun b’element zgħazuħ u mistennija iktar idejat ġodda.

It-tmexxija fil-Motocross reġgħet ġiet ikkonfermata f’idejn John Cassar u miegħu hemm Paul Deguara u John Mamo bħala Segretarju u Kaxxier tas-sezzjoni rispettivament.

Bħalissa għaddejin il-preparamenti biex nhar il-Ħadd 21 t’Ottubru 2018 jingħata bidu għall-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2018-2019. Għal darb’oħra dan ser ikun sponsorjat mid-ditta Honda tal-Kumpanija GasanZammit Ltd.

L-ewwel attività pre-Championship ser tkun Fun Race biex wieħed jevalwa l-ħiliet tiegħu preżenti għal kompetizzjonijiet matul dan l-istaġun li ġej. Wara sajf ta’ taħrig numru sabiħ ta’ riders komplew jaġġornaw ruħhom u jinvestu f’muturi ġodda tant li jidher li dan l-istaġun ser ikun impenjativ ħafna. Għal darba oħra l-Kampjonat Nazzjonali ser ikun ibbażat fuq il-klassi A b’dawk ir-riders li huma iktar esperti u professjonali. Il-Klassi B hija fejn jaqgħu r-riders Avvanzati waqt li l-Klassi tal-Veterani li qed tagħmel suċċess minn sena għall-oħra tkun għal riders ta’ iktar minn 40 sena. Matul dan l-istaġun ser ikun hemm ukoll il-Klassi ‘Ċ’. Din il-klassi hija ġdida u ser tilqa’ dawk ir-rider li jagħmlu dan l-isport bħala dilettanti u dawk li huma ġodda f’dan l-isport.

Il-bżonn li ssir din il-Klassi ‘Ċ’ inħass għal fatt li hemm numru ta’ riders li t-tmexxija tixtieq tara jieħdu sehem mhux biss waqt it-taħrig imma wkoll biex iħossuhom inklużi waqt l-attivitajiet tal-ASMK. L-ewwel program mill-istagun Motocross ta’ nhar il-Ħadd ser jibda fl-10am bil-‘Warm-up’ li jibda fid-9,00am.

L-attivitajiet tal-istaġun ikomplu fil-ġimgħat li ġejjin tant li il-Ħadd 28 t’Ottubru jingħata bidu għal Kampjonat Nazzjonali Autocross. Bi tħejjija għal dan l-istaġun matul is-Sibt li ġej 20 ta’ Ottubru u is-Sibt 27 ta’ Ottubru ser issir l-iskruttinar għall-karozzi li mistennija jieħdu sehem fl-attivitjiet bil-Karozzi Autocross.

Bħalissa għadu għaddej ix-xoghol fuq l-Akkademja tat-Trials li huwa Progett taħt il-VOPS 2018. Wara it-taħrieg tal-Kowċis mil-FMI taħt id-direzzjoni tal-FIM-Europe, il-kowċis ittrenjati ser ikunu qed iħarrġu studenti biex iwassluhom għal livell bażiku ta’ dan l-isport waqt il-ħin tal-iskola. L-iskop tal-proġett ikun l-attivita fiżika, l-edukazzjoni sportiva f’dixxiplina ta’ sport different fl-iskola minn dak tradizzjonali u introduzzjoni ta’ din id-dixxiplina biex jittħajjru iktar studenti jipparteċipaw fl-isport.

Bħalissa x-xogħol fuq dan is-suġġett għaddej b’ritmu tajjeb ħafna u l-ASMK flimkien mat-tim tal-proġett, f’dawn l-aħħar ġimghat approva s-sillabu. It-tim ħabbar ukoll li l-ewwel skola laqgħet il-programm minn din l-akkademja li mistenni tibda t-taħrig hekk kif jasalu l-muturi elettriċi ġodda.





Leave a comment