Jessica Magro Butler rebbieħa tal-ewwel Ladies Demolition Derby

Thursday, March 14, 2019, 9:15

Nhar il-Ħadd li għadda l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat b’suċċess għall-ewwel darba l-Ladies Demolition Derby li għaliha ipparteċipaw 10 parteċipanti nisa.

Dawn l-ewwel għamlu parata ta’ żewġ dawriet mal-korsa u wara ingħata is-sinjal għal bidu ta dan id-Derby. Minkejja li dawn qatt ma kellhom l-esperjenza ta’ Demolition Derby, bdew jagħtu daqqiet spettakolari b’teknika pulita fis-sewqan u skont ir-regolamenti tal-logħba b’attenzzjoni li ma tinkiser l-ebda regola.

Wara kwazi 50 minuta kien għad fadal dwell li dam kważi kwarta bejn Jessica Magro Butler fuq Subaru J10 u Michaela Sammut fuq VW polo.

Żviluppa nar żgħir fil-magna ta’ Sammut li bi prekawzjoni kellha tabbanduna l-karozza u ġiet ddikjarata Runner-Up, filwaqt li Magro Butler rebħet din l-ewwel edizzjoni tal-Ladies Demolition Derby.

Fl-istess ġurnata ħadu sehem 22 kompetitur tal-Karozzi Autocross maqsuma fit-tliet klassijiet, dik Autocross Modified, Autocross Standard u Autocross Diesel. Il-Ħadd filgħodu ġiet organizzata wkoll il-ħames attività mill-Kampjonat Nazzjonali Trials. Dawn l-attivitajiet kollha saru fil-barriera tas-Sagħtar limiti tan-Naxxar.

Intant diġa bdew il-preparamenti għal Demolition Derby bil-karozzi żgħar li bħal dejjem isir qabel l-Għid. Reġistrazzjonijiet jibdew jidħlu waqt laqgħa li se ssir nhar il-Ħamis 14 ta’ Marzu 2019 fl-iskola Nazzjonali tal-Isport, Pembroke. Il-Laqgħa tibda fit-8.00pm.

L-Attivitajiet ikomplu nhar il-Ħadd li ġej 17 ta’ Marzu bil-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2018/2019. Din ħa tkun il-ħames attività f’dan l-istaġun u tibda fl-għaxra ta’ filgħodu fil-kumpless Sportiv tal-Assoċjazzjoni f’Ta’ Qali.

Għal aktar informazzjoni idħlu fuq is-sit www.asmk.org.mt jew fil-paġna ta’ Facebook bl-isem Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi.

Rittrati ta’ Mario Micallef





Leave a comment