Jeħtieġ li l-Università jkollha faċilitajiet sportivi tal-ogħla livell

Tuesday, July 2, 2013, 10:05

L-Università għandu jkollha faċilitajiet sportivi tal-ogħla livell. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo, meta kien qed jindirizza konferenza stampa flimkien mal-kontingent ta’ studenti mill-Malta University Sports Club li sejjer jipparteċipa fil-logħob Universiade li se jsir f’Kazan ir-Russja.

L-Università jeħtieġ li jkolla dawn il-faċilitajiet mhux biss biex tattira studenti barranin imma wkoll biex tħajjar aktar studenti jagħmlu attività fiżika. Irid isir investiment qawwi fl-isport għax investiment fl-isport huwa investiment fis-soċjetà.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo, filwaqt li faħħar din l-inizjattiva ta’ dawn l-istudenti, qal li jrid jara aktar studenti jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi speċjalment f’dawk l-attivitajiet li jridu jiġu organizzati fil-Port il-Kbir. Buontempo kompla jgħid li l-għan tal-Kummissjoni L-Isport: Nifs ġdid għallPort hu li tesplora kif l-istudenti u żgħażagħ jistgħu jiġu integrati f’dawn l-attivitajiet u huwa propju għalhekk li membru minn din il-Kummissjoni huwa wkoll lecturer fid-dipartiment tal-attivita fiżika fl-Università ta’ Malta. Il-Kummissjoni trid tara kif se tinkludi aktar studenti u żgħażagħ f’attivitajiet sportivi biex dawn l-attivitajiet jgħinu fir-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.

Is-Segretarju Parlamentari stieden lill-Malta University Sports Club biex tressaq il-proposti tagħha dwar kif tista’ taħdem aħjar mal-Kunsill Malti għall-Isport.

Il-kontingent Malti ser ikun jikkonsisti minn seba’ ateti li se jieħdu sehem fl-atletika, fl-għawm u filweightlifting. F’dawn il-kompetizzjonijiet ser jieħdu sehem madwar 13,000 atleta minn madwar id-dinja.





Leave a comment