Jaslu lura mill-Lussemburgu

Monday, June 3, 2013, 14:29

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan
Buontempo, bagħat jifraħ lill-Kumitat Olimpiku Malti u lill-atleti u uffiċjali kollha li pparteċipaw
fil-15-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa fil-Lussemburgu, li l-bieraħ filgħaxija
waslu lura Malta.

Fil-messaġġ tiegħu, Dr Buontempo qal li l-Maltin japprezzaw is-sagrifiċċju u l-impenn tal-atleti
kollha, kemm dawk li rnexxielhom jirbħu l-midalji kif ukoll dawk li pparteċipaw fil-logħob iżda ma
kisbux midalji.

Huwa wiegħed li l-Gvern se jkompli jagħti s-sostenn kollu meħtieġ lill-isport tal-elit, sabiex
jinkisbu riżultati dejjem aħjar f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Fakkar ukoll fl-impenn tal-Gvern
li l-allokazzjoni finanzjarja li tingħata lill-Kumitat Olimpliku Malti tibda tkun ibbażata fuq iċ-ċiklu
olimpiku ta’ erba’ snin, u li dan se jwassal biex il-KOM ikun jista’ jippjana t-taħriġ u l-investimenti
meħtiġa fl-atleti b’mod aħjar u aktar bikri.





Leave a comment