Jasal fi tmiemu staġun ieħor ta’ Skola Sport.

Tuesday, June 2, 2015, 9:46

Manifestazzjoni fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera ġabet fi tmiemha Skola Sport 2014/15 organizzata mill-Kunsill Malti għall-Isport. F’dan l-istaġun li għadda, kienu ħamsa ċ-ċentri li fetħu l-bibien tagħhom sabiex ospitaw numru ta’ sessjonijiet immirati għal nies ta’ kull eta’. Filfatt fil-manifestazzjoni wieħed seta jara attivita’ fiżika mill-parteċipanti li kienu ġejjin mill-Kumpless tal-Kottonera, ta’ Ħal-Kirkop, Tal-Qroqq, tal-Ħandaq, u dak ta’ Pembroke. Fost il-bosta dixxiplini li kienu esebiti waqt il-manifestazzjoni spikkaw il-ġeneri differenti ta’ żfin u ballet, pero wieħed seta jassisti wkoll għall-esebizzjonijiet oħra minn dawk il-parteċipanti li ħadu sehem fis-sessjonijiet tal-basketball, fundamentals u Fitness għall-adulti fost l-oħrajn.

Indirizza it-tfal u l-ammont kbir ta’ ġenituri preżenti fil-Kumpless, iċ-Ċermen tal-Kunsill Malti għall-Isport Luciano Busuttil li qal li l-ammont ta’ parteċipanti fi Skola Sport dan l-istaġun laħaq l-4,000 ruħ u jispera li din iċ-ċifra tkompli tikber. Huwa spjega kif il-KMS qiegħed jinvesti fir-riżorsi umani f’dawn il-programmi, fejn mhux biss jimpjega kowċes kwalifikati, imma qiegħed wkoll jagħtihom taħriġ.

L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-isport Mark Cutajar fl-indirizz tiegħu aċċenna għall-ħidma li qed jagħmel il-Kunsill Malti għall-isport sabiex iressaq l-isport fil-qalba tal-rħula Maltin. Dan qed jerġa jkompli jkun imsaħħaħ fil-programm tas-Sajf Summer on the Move fejn l-isport mhux biss ser isir fil-ħames ċentri hekk imsejħa sinonimi mal-KMS, imma ser ikun qed jimraħ f’ċentri oħra fosthom il-Park tal-Familja fil-Mellieħa u il-padiljun tal-Basketball f’Ta Qali. Cutajar appella lill-ġenituri sabiex jiċċaqalqu u jġegħlu lit-tfal tagħhom jiċċaqalqu wkoll sabiex pajjiżna jitla l’fuq fil-klassifika tan-nies lil ma jagħmlu l-ebda attivita’ fiżika u fl-istess ħin inkunu qed nagħmlu ġid lilna nfusna.

Preżenti wkoll Stefan Cassar, Brand Manager ta’ Charles Darmanin Co. Ltd, li huma r-rapreżentanti ta’ Kellogg’s f’pajjiżna. Huwa feraħ lill-Kunsill Malti għall-Isport għal staġun ieħor ta’ suċċess. Waqt is-serata Kellogg’s sponsorjaw wkoll tlett premjijiet għall-parteċipanti li kienu mountain bike u 2 digital cameras li ttellgħu bl-għajnuna tal-maskot Coco the Monkey.

Intant l-applikazzonijiet tal-programmi tas-sajf tal-KMS, Summer on the Move qegħdin jintlaqgħu u aktar informazzjoni tinstab fuq is-sit tal-Kunsill Malti għall-Isport www.sportmalta.org.mt.





Leave a comment