Jasal fi tmiemu s-Summer On the Move ghal din is-sena

Thursday, September 5, 2013, 8:36

Il-programm sportiv għall-pubbliku ‘Summer on the Move’ wasal fi tmiemu llum it-Tlieta. Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Stefan Buontempo, dalgħodu żar il-kumpless sportiv ta’ Ħal-Kirkop fejn iltaqa’ ma’ wħud mill-parteċipanti tal-programm u qassmilhom iċ-ċertifikati tal-attendenza.

Kienu madwar 4,500 dawk li gawdew mill-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ dan il-programm sportiv għas-sajf organizzat mill-Kunsill Malti għall-Isport (il-KMS). Is-sena l-oħra ħadu sehem madwar elf ruħ inqas. Din is-sena kien hemm mal-35 dixxiplina sportiva u għall-ewwel darba kien hemm ukoll attivitajiet immirati għal persuni minn 60 sena ’l fuq.

Dr Buontempo ntlaqa’ fil-kumpless mill-Kap tal-Programmi tal-KMS, Robert Portelli, u mill-Maniġer tal-kumpless, Charles Muscat. Huwa ħa din l-okkażjoni wkoll biex jirringrazzja lill-kowċis li huwa bis-saħħa tagħhom li jistgħu jiġu offruti lill-pubbliku programmi ta’ fejda bħal dawn.





Leave a comment