Jake Vella jirbaħ l-unur tal-Atlas Żagħżugħ tax-xahar għal April

Saturday, May 16, 2020, 11:36

L-Atleta żagħżugħ Jake Vella li għandu storja ta’ ispirazzjoni rebaħ l-unur tal-Atlas Żagħżugħ tax-xahar għal April2020.

Jake Vella f’dawn l-aħħar ġimgħat kien impenjat ferm bl-eżerċiżżju fiżiku ta’ kuljum taħt il-gwida tal-coaches tiegħu  Fabio Spiteri, Marthese Fava u Gail Rizzo.

Minħabba l-fatt li Jake hu vulnerabbli, f’dan il-perjodu hu kellu jobdi l-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u tat-tobba tiegħu u joqgħod id-dar kemm jista’ jkun u allura kellu jadatta ruħu għat-taħriġ minn ġewwa t-‘training room’ f’daru.

Vella qed jesperjenza battalja kontra marda rari ferm u permezz tal-perseveranza tiegħu u b’taħriġ intensiv jinsab determinat li jilħaq it-tragwardi personali tiegħu. Jake għandu l-kundizzjoni tar-‘ROHHAD’ li hija kundizzjoni li tista’ tpoġġi ħajtu f’periklu għaliex taffettwa l-‘autonomic nervous system’ tal-ġisem.

Matul l-aħħar xahar Jake kien ta’ ispirazzjoni għal diversi atleti żgħażagħ hekk kif ta’ kuljum kien qed jaqsam l-esperjenza ta’  taħriġ tiegħu bl-eżrċiżżju tal-indoor rowing u training fuq it-treadmill fuq il-paġna tiegħu ta’ facebook. Fil-jiem li ġejjin Jake mistenni jżied it-taħriġ tal-għawm.

Dan hu r-raba’ unur li qed jingħata lill-atleti żgħażagħ Maltin minn mindu kien varat dan l-unur b’inizjattiva konġunta bejn il-Malta Sports Journalists Association u l-kumpanija Atlas Insurance. Ir-rebbieħa tal-unuri preċedenti kienu l-Isprinter Rachela Pace li rebħet l-ewwel unur ta’ Jannar 2020, il-player tal-Pool Dejan Grech li rebaħ l-unur fix-xhar ta’ Frar u l-Weightlifter Tenishia Thornton li rebħet l-unur ta’ Marzu.

Minkejja l-pandemija tal-COVID-19 il-Kumitat Eżekuttiv tal-Malta Sports Journalists Association u l-kumpanija Atlas Insurance qablu li dan l-unur jibqa’ jingħata.

Konxji mill-fatt li l-attivitajiet kollha sportivi fil-pajjiż ġew kollha posposti jew kanċellati, l-unur se jkun qed jingħata għalissa wara Ii jsir shortlisting tal-attivitajiet tal-atleti żgħażagħ Maltin b’mod partikolari dawk li qed jagħtu kontribut lis-soċjeta` l-iktar permezz ta’ attivitajiet online li qed jgħinu jippromwovu s-saħħa fiżika fost atleti oħra jew persuni fil-bżonn. Kemm il-Malta Sports Journalists Association kif ukoll il-kumpanija Atlas Insurance jemmnu li din hi opportunita’ tajba sabiex ikunu ppremjati individwi bi stejjer pożittivi li qed jagħtu kontribut lis-soċjeta’ f’dan iż-żmien straordinarju.

Għalhekk il-Malta Sports Journalists Association qed tistieden atleti taħt il-21 sena kif ukoll assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi li jixtiequ jinnominaw individwi għal dan l-unur billi jibgħatu email fuq info@maltasportsjournalists.com

Il-preżentazzjoni tat-trofew tal-Atlas Żagħżugħ tax-xahar għal April lil Jake Vella flimkien mal-voucher minn stabbiliment ta’ materjal sportiv li hu abbinat ma’ dan l-unur saret minn Robert Micallef Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. Lorraine Cunningham Segretarja Ġenerali tal-Malta Sports Journalists Association u Fabio Spiteri wieħed mill-coaches ta’ Jake kienu wkoll preżenti.

 

 

 

 

Ritratt:

Jake Vella bit-trofew tal-Atlas Youth Athlete of the Month għal April. Jidher fir-ritratt ukoll Robert Micallef Chief Commercial Officer ta’  Atlas Insurance u Lorraine Cunningham Segetarja Ġenerali tal-Malta SJA.





Leave a comment