- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Jagħlaq l-istaġun tal-Honda Motocross 2017/2018

Posted By Sportinmalta On June 13, 2018 @ 8:10 am In Featured,Motorsport | No Comments

Nhar is-Sibt 16 ta’ Ġunju 2018, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi se torganizza d-disa’ u l-aħħar attività mill-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2017/2018. Il-programm jibda fl-4pm fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK.

Ħarsa lejn il-klassifika mill-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2017/2018, fi Klassi A għall-ewwel darba Kyle Camilleri fuq mutur KTM għandu bizzejjed punti biex jiġi nkurunat Ċampjin. Kyle rebaħ 6 tiġrijiet minn tmienja li diġa saru u bħalissa għandu total ta’ 368 punt segwit minn ħuħ Clayton Camilleri fuq mutur KTM b’272 punt u Mark Mamo fuq mutur Yamaha b’242 punt.

Fil-Motocross Klassi B, Bernard Sammut fuq mutur Beta fuq quddiem b’277 punt segwit minn Michael Sant fuq mutur Husqvarna b’229 punt u James Zahra fuq mutur Sherco b’200 punt.

Fil-Klassi tal-Veterani (Over 40) Paul Deguara fuq mutur KTM issiġilla t-titlu ta’ din il-klassi b’378 punt, segwit minn Jethro Sant fuq mutur Yamaha b’291 punt u Andrew Cassar fuq KTM b’224 punt.

Intant nhar is-Sibt li għadda, l-ASMK organizzat l-ewwel attività ta’ bil-lejl f’dan l-istaġun, bil-Karozzi Autocross li ħadu sehem fl-għaxar attività mill-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2017/2018. B’kollox ħadu sehem 16 il-kompetitur maqsuma f’zewġ klassijiet, dik tal-Modified u l-oħra Standard.

Mill-Klassi A Modified, Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova iddomina u rebaħ din il-klassi segwit minn Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo. Pisani u Farrugia kienu segwiti minn Karl Micallef fuq Ford Fiesta u Noel Zammit fuq Fiat Punto li għalqu l-ġurnata fit-tielet u raba’ post rispettivament. Il-ħames u s-sitt post intrebħu minn Terence Azzopardi fuq Opel Corsa u Jean Paul Grech fuq Peugeot 106.

Mill-Klassi B Modified, Ryan Sciclnua fuq Ford Fiesta rebaħ din il-klassi segwit minn Melo Zammit fuq Opel Corsa. Scicluna u Zammit kienu segwiti minn Jonathan Camilleri fuq Opel Corsa u Keith Borg fuq Vauxhall Nova li dawn spiċċaw fit-tielet u r-raba’ post rispettivament. Jonathan Vella fuq Ford Fiesta u Brandon Lee Vassallo fuq Peugeot 205 daħlu fil-ħames u s-sitt post.

Mill-Klassi Standard, Nicovich Chircop fuq Peugeot 106 rebaħ din il-klassi segwit minn Guzi Pace fuq Ford Fiesta filwaqt li fit-tielet post spiċċa Deane Farrugia fuq Citroen AX. Robert Giordimaina fuq Opel Corsa ġie sospiż mit-tiġrija wara azzjoni anti-sportiva fuq Farrugia. L-Amministrazzjoni tavża li għad trid tisma’ l-każ quddiem il-Kumitat Ezekuttiv dwar dak li ġara bejn Farrugia u Giordimaina kemm waqt il-finali tal-ġurnata kif ukoll wara li spiċċat.

Attivita oħra Autocross mistennija ssir nhar is-Sibt 23 ta’ Ġunju  2018 u tibda fis-7pm. Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha fis-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni www.asmk.org.mt jew fil-paġna Facebook bl-isem  Assocjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew Mobile 9942 5489.

Rittrati ta’ Mario Micallef


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/jaghlaq-l-istagun-tal-honda-motocross-20172018/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.