Konvint li se nirbħu kontra l-Finlandja

Monday, September 5, 2011, 20:34

 minn Catherine Micallef.

Il-konferenza stampa ta' llum it-Tnejn 5 ta' Settembru in vista tal-partita ta' għada kontra l-Finlandja - Ritratt Joe Borg

Il-konferenza stampa ta' llum it-Tnejn 5 ta' Settembru in vista tal-partita ta' għada kontra l-Finlandja - Ritratt Joe Borg

‘Konvint li se nirbħu’, kienu l-kliem imtennija b’konvinzjoni mill-kowċ Ray Żażu Farrugia ftit tas-sigħat ilu. Daniel Balzan, Zach Muscat, Matthew Gauci, Yessous Camilleri, Owen Bugeja,Mark Scerri,Rowen Muscat, Bjorn Kristensen, Leighton Grech, Terence Vella u Steve Pisani  se jkunu l-ħdax-il protaganist li għada fl-eqqel tas-sħana tal-4pm se jibdew il-partita kontra t-tim Finlandiż f’partita oħra Internazzjonali minn Grupp 2 ta’ taħt il-21 sena. Dan żvelah il-kowċ tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena Ray Żażu Farrugia f’konferenza stampa ndirizzata lill-media tard illum waranofsinhar u mmexxija minn Mark Muscat, media officer għal logħbiet Internazzjonali tal-Malta Football Association.

Il-kowċ Farrugia ammetta li jinsab iddiżappuntat ferm kemm hu kif ukoll il-plejers wara l-prestazzjoni ħażina kontra t-tim Sloven ta’  nhar il-Ħamis li għadda. Skont Farrugia ‘tlifna għax urejna wisq rispett’.  L-uniku punt pożittiv kien li fil-partita t-tim Malti kkrea ħafna ċansijiet.  Il-kowċ tenna li minn logħba bħal tal-ġimgħa l-oħra t-tim jitgħallem mill-iżbalji u jinsab fiduċjuż li jista’ jirbaħ il-konfront ta’ għada t-Tlieta 6 ta’ Settembru minħabba l-kwalita ta’ plejers li għandu fit-tim tiegħu. Hu qal li flimkien mat-tim tiegħu jinsabu ħerqana ħafna biex juru x’isarrfu u huwa tajjeb li ż-żewġ logħbiet intlagħbu fi spazju daqshekk żgħir. Iż-Żażu tenna li t-tim Finlandiż għandu plejers tajbin li jilagħbu f’kampjonati kbar Ewropej u semma lil Dalla Valle li kien jilgħab ma’ Fulham u issa ma’ Dundee United u l-plejer attakkant ta’ Cesena - Riski.

Iż-Żażu spiċċa din il-konferenza stampa billi f’isem il-plejers, il-Malta Football Association u l-grupp kollu tiegħu irringrazzja lill-membri kollha tas-South End Core u lill-pubbliku li attenda l-Hibs Stadium li ġie bi ħġaru nhar il-Ħamis li għadda u ta kuraġġ liż-żgħażagħ Maltin.

Tkellem ukoll il-plejer promettenti Rowen Muscat fejn stqarr li t-telfa  kontra l-Islovenja se sservi ta’ ġid għax wara żewġ riżultati pożittivi f’Ġunju jista’ jkun li l-plejers niżlu b’ċertu kunfidenza żejda fil-grawnd u għalhekk din it-telfa serviet bħala tbesbisa biex it-tim iżomm saqajh mal-art.

Preżenti wkoll kien il-plejer li skorja nhar il-Ħamis kontra l-Islovenja Zach Muscat fejn ikkonferma dak li qal il-kollega tiegħu: “Telfa qatt ma tieħu gost biha pero titgħallem ħafna. Iż-żewġ riżultati tal -bidu juru li aħna tim magħqud u għada għandna ċ-ċans li  nerġgħu nuru min aħna!”

Il-logħba Malta vs Finlandja tintlagħab għada t-Tlieta 6 ta’ Settembru fil-Hibernians Stadium, Kordin. Il-biljetti jistgħu jinkisbu qabel il-partita – Adulti Eur 4, Tfal Eur 1.





Leave a comment