Ivan Vella jinħatar direttur tat-timijiet nazzjonali tal-MFA

Saturday, August 18, 2018, 11:03

Il-Malta Football Association tħabbar il-ħatra ta’ Ivan Vella bħala direttur tat-timijiet nazzjonali.

Is-Sur Vella, li kien jokkupa l-kariga ta’ manager tat-tim nazzjonali, se jkun responsabbli mill-aspetti operattivi u loġistiċi tat-timijiet nazzjonali fi ħdan l-MFA.

Is-Sur Vella, li għandu 44 sena, ilu jifforma parti mill-Malta Football Association għal aktar minn 20 sena. Hu kiseb esperjenza f’diversi setturi fosthom affarijiet internazzjonali, marketing u direzzjoni tat-timijiet li jirrappreżentaw lil pajjiżna.

Il-president tal-MFA, Norman Darmanin Demajo, laqa’ b’mod pożittiv din il-ħatra.

“Il-ħidma u r-responsabbiltajiet marbuta mat-timijiet nazzjonali qegħdin kull ma’ imur jiżdiedu u għalhekk inħass il-bżonn li tinħoloq din il-kariga,” qal Darmanin Demajo.

“Bl-esperjenza u l-għarfien li għandu fis-settur tat-timijiet nazzjonali, Ivan Vella hu l-bniedem ideali għal din il-pożizzjoni.”

Is-Sur Darmanin Demajo semma’ kif Vella kiseb ukoll esperjenza internazzjonali fi ħdan il-UEFA u l-FIFA.

F’kummenti li ta wara li nħatar direttur tat-timijiet nazzjonali, is-Sur Vella qal li se juża l-esperjenza kollha tiegħu biex imexxi b’mod professjonali t-timijiet ta’ Malta f’kull livell.

Minbarra l-kontribut li ilu jagħti fis-settur tat-timijiet nazzjonali, is-Sur Vella ilu jokkupa l-kariga ta’ Venue Director fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA sa mill-2010 u hu parti mill-kumitat ta’ monitoraġġ tal-FA Griega bħala membru tal-panel ta’ esperti tal-FIFA.

Sentejn ilu, is-Sur Vella temm b’suċċess kors organizzat mill-UEFA (Certificate in Football Management) flimkien mas-Swiss Graduate School of Public Administration fi ħdan l-Universitá ta’ Lausanne.





Leave a comment