Italia vs Malta … ġimgħa wara

Tuesday, September 18, 2012, 17:00

minn Stephen Azzopardi

Wara li ilni sena nvolut fil-ġurnaliżmu sportiv, l-ġimgħa l-oħra kelli l-opportunita li nkun mill-qrib ta’ waħda mill-aktar logħbiet mistennija kemm mill-Maltin kif ukoll mit-Taljani.  Wara ħafna preparamenti, kont hemmhekk sabiex nieħu l-massimu minn din l-esperjenza.   It-Tnejn 10 ta’ Settembru 2012 l-emozzjonijiet bdew mill-ewwel ġurnata.

Xħin wasalna l-ajruport, bqajna sejrin fi Stadio Alberto Braglia ta’ Modena u attendejna għas-sessjoni ta’ taħriġ tat-tim nazzjonali Taljan.  L-atmosfera kienet diġa indeskrivibbli, meta tara għadd kbir ta’ Modeniżi jiġru fit-toroq biex jaraw il-pulman għaddejja minn toroq differenti li jgħatu għal entratura tal-grawnd.

Meta dħalna attendejna għal konferenza stampa tal-kowċ Taljan Cesare Prandelli.  Dan fost l-oħrajn qal li għandu rispett kbir lejn Malta u ma kienx qed jipprevedi li l-Italja se tirbaħ lil Malta b’ħafna gowls.  Faħħar il-wirja li Malta kellna kontra l-Armenja, għax domna 70 minuta bla ma qlajna gowl.  Kliem ta’ tifħir marru wkoll għal plejer internazzjonali Malti, Michael Mifsud.

Wara din il-konferenza stampa dħalna fil-grawnd u n-nies ta’ Modena ġew bi ħġarhom biex jaraw lil benjamini tagħhom fuq il-ħaxxix tal-grawnd ta’ art twelidhom.  Mhijiex xi ħaġa ta’ kuljum li t-tim nazzjonali jilgħab f’Modena u wara t-terremot li laqat dawn l-inħawi din kienet bħal qawsalla wara l-maltemp.  Fil-fatt, il-poster uffiċjali tal-logħba Italia vs Malta, kien jgħid Mettiamo in fuorigioco il terremoto.  Dan ifisser li t-terremot u t-trawma li ġab fiha dawn in-nies kellhom jintesew permezz ta’ din il-logħba. It-Tlieta 11 ta’ Settembru 2012 Il-jum tant mistenni kien wasal.

Filgħodu xħin konna qed induru mat-toroq u fiċ-ċentru ta’ Modena, stajna nisimgħu kelma waħda.  Għajr xi wħud li ma kienx jinteressahom il-futbol, in-nies kollha jitkellmu dwar il-partitissima ta’ filgħaxija.  M’għandniex xi ngħidu, li l-fehma tan-nies kienet li l-Italja se jirbħu u bi skor kbir. Wara li kelli kollegament telefoniku għal-istazzjon Favourite Channel, kelli kollox lest għal din il-logħba unika u indimentikabbli.

Xħin wasalna Via Monte Kozika li hija t-triq twila li fiha jinsab Stadio Alberto Braglia, rajna kwantita ta’ nies kollha armati bil-flokk tat-tim nazzjonali Taljan, bnadar, brieret u ħornijiet.  Ta’ min isemmi wkoll is-sigurta u l-organizazzjoni minn naħa tal-Pulizija Taljana u l-FIGC.

Malajr sibna ruħna fit-tribuna stampa u stajna nħossu l-atmosfera elettrizanti li bdiet teskala bil-mod il-mod fil-grawnd.  Prosit kbira tmur ukoll għal-partitarji Maltin li kienu qrib tlett mija.  Dawn ukoll agħmlu ħoss u waħħlu streamer sabiħ li kien jgħid Forza E Corraggio… Da Malta Un Abbraccio.  Il-ħin beda għaddej ġmielu u filwaqt li l-grawnd kien kważi intella kollu, bdew ħerġin il-plejers Maltin għal warm up.

Ma nistax ngħid li dawn ġew milqugħa tajjeb mill-partitarji Taljani imma aħna l-Maltin ippruvajna nuruhom li aħna konna hemm warajhom.  Meta ħarġu t-Taljani kienet storja oħra għax l-għajjat kien li jtarrxek. Sa’ fl-aħħar wasalna… il-qlub tagħna li konna hemmhekk bdew iħabbtu sitta sitta.  Il-plejers Maltin u Taljani ħarġu għal darb’oħra u sabu posthom għal innijiet nazzjonali.  L-ewwel indaqq l-innu nazzjonali Malti li lkoll ħassejna ruħna kburin li aħna Maltin.  Wara imbagħad l-innu nazzjonali Taljan li tkanta wkoll mill-partitarji Taljani preżenti.

Dwar il-logħba, illum il-ġurnata kulħadd sema dwarha.  Tlifna biss bl-iskor ta’ 2-0 u tabilħaqq li l-Maltin mikejja li tlifna, ħriġna minn Modena b’rasna mgħollija.  Dan intqal kemm minn Ghedin kif ukoll minn Prandelli fil-konferenzi stampa li attendejna għalihom wara l-logħba.  Il-medja Taljana l-għada ma ħafritix lit-tim nazzjonali Taljan u żvogat rabja kbira għax kulħadd kien qed jistenna li l-Italja se tirbaħ lil Malta bi skor kbir. Dan kien ftit minn dak li xtaqt naqsam magħkom dwar dan l-itinerarju tiegħi fl-Italja.

Hemm ħafna u ħafna affarijiet oħra li qegħdin f’qalbi u li forsi minix kapaċi nfissirhom bil-kitba.  Nagħlaq billi nirringrazzja lil dawk li emmnu fil-ħila tiegħi u tawni dan iċ-ċans.  Grazzi wkoll lid-diriġenti tal-istazzjon Favourite Channel li tagħhom kont rappreżentant. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas grazzi mill-qalb lil familjari tiegħi li tawni s-sapport avolja konna l-bogħod minn xulxin sakemm jien kont l-Italja.





Leave a comment