It-Triatleta Rudolph Agius kiser ir-rekord Nazzjonali tal-Ironman 70.3 fil-Bahrain

Wednesday, December 11, 2019, 14:33

It-Triatleta ta’ Birkirkara St Joseph Sports Club Rudolph Agius kompla jiddomina x-xena tat-triathlon fuq distanza twila f’Malta bil-wirja tiegħu fil-Kampjonati tal-Lvant Nofsani Ironman 70.3 li sar fil-Bahrain fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

It-tellieqa tal-Ironman 70.3 fil-Bahrain  (1,9km għawm, 90km rota u nofs maratona) rat lill-atleti jikkompetu f’kundizzjonijiet pjuttost tajbin, b’temperaturi li laħqu madwar 23 grad.

Agius, li tellaq fil-Grupp tal-Età Maskili tal-40 – 44 kien l-ewwel barra mill-ilma f’ħin ta’ 27 minuta 13-il sekonda. Il-korsa tar-rota ċatta, li parti minnha tinstab fuq il-korsa tat-tellieqa taċ-Ċirkuwit Internazzjonali tal-Bahrain pproduċiet tellieqa veloċi b’Agius jilħaq medja ta’ 41 kilometru. Minkejja li niżel ftit postijiet fil-klassifika fit-taqsima tar-rota, Agius, ipproduċa ġirja tajba fin-nofs maratona. Hu rreġistra pass ta’ 3.59 / km u kellu it-tieni post f’dik it-taqsima. Agius temm it-tellieqa ta’ 113-il kilometru f’ħin ta’ 4 sigħat 6 minuti u 4 sekondi. Dan il-ħin fisser li Agius irreġistra Rekord Nazzjonali ġdid għad-distanza tal-Ironman 70.3.


Agius spiċċa fir-raba post fil-Grupp tal-Eta tiegħu. Dan ir-riżultat fisser li Agius reġa kkwalifika għall-Kampjonat Dinji tal-IRONMAN 70.3 2020 f’Taupõ, New Zealand. Minkejja din il-kwalifikazzjoni, Agius ikkonferma li mhux se jieħu sehem peress li l-enfasi primarja tiegħu se tkun il-Kampjonati Dinjija tal-Ironman 2020 li ser isiru f’Kailua-Kona, il-Hawai`i f’Ottubru li ġej.





Leave a comment