- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

It-Tnedija Tal Progett WebCheck Fi Hdan Is Settur Sportiv

Posted By Sportinmalta On September 16, 2014 @ 9:12 am In Featured,Other | No Comments

Wara s-suċċess tal-ewwel proġett ‘WebCheck’, fejn ażjendi fil-qasam tat-turizmu kienu mistednin jipparteċipaw fi skema biex jippromwovu l-preżenza tagħhom fuq l-internet, l-Awtorita’ ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni bil-kollaborazzjoni tas-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, qegħda tniedi dan il-proġett biex tgħin l-organizazzjonijiet żgħar fil-qasam sportiv jifhmu l-potenzjal tal-preżenza tagħhom fuq l-internet u jieħdu l-opportunita’ li jesponu l-isport fuq skala lokali kif wkoll internazzjonali.

 

Kif spjega s-Sur Roderick Marmara’, ‘l-MCA qed tniedi dan il-program fi ħdan is-settur sportiv bħala parti minn inizjattiva biex jikber iktar it-tagħlim tal-użu tas-sistemi diġitali u tinfirex iktar l-informazzjoni dwar l-importanza li llum il-ġurnata l-internet u l-medja soċjali huma rilevanti għal għixien aħjar. L-għan prinċipali ta’ dan il-program hu li jinkoraġġixxi lill-għaqdiet sportivi ż-żgħar jidħlu fid-dinja tal-medja soċjali u jkabbru l-preżenza tagħhom kif ukoll biex jużaw applikazzjonijiet diġa’ applikabbli onlajn, għall-ġbir ta’ fondi.’

 

L-organizzazjonijiet li ser jieħdu sehem f’dan il-proġett ħa jkunu assenjati speċjalista lokali fil-qasam tal-eBusiness u l-medja soċjali, fejn dan ħa jiltaqa’ mal-organizzazjonijiet b’mod individwali biex tkun iggarantita l-attenzjoni kollha meħtieġa, u janalizza l-istrateġija onlajn tagħhom b’enfasi fuq il-pjattaformi tal-użu tal-medja soċjali bħal dawk l-iktar magħrufa Facebook, Youtube u Twitter. Ser joffri wkoll rakomandazzjonijiet u suġġerimenti meħtieġa skont in-natura tal-operat ta’ kull soċjeta. Il-parteċipanti kollha ħa jingħataw l-assistenza kollha meħtieġa u ħa jiġu mistiedna jattendu għal taħriġ bla ħlas, peress li l-proġett hu organizzat u ffinanzjat kollu mill-MCA stess biex jitgħallmu kif għandhom jagħmlu użu aħjar mill-medja soċjali.

 

Is-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera spjega li ‘l-għan prinċipali ta’ dan il-proġett huwa biex iktar għaqdiet sportivi, speċjalment dawk l-inqas magħrufa, ikollhom preżenza sostanzjali fuq l-internet. Din il-preżenza tgħin biex aktar individwi jitħajjru jipparteċipaw f’xi sport li jista’ jkun ma kienux jafu li diġa’ hu prattikat lokalment jew li m’għandhomx tagħrif biżżejjed dwaru.’

 

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius tkellem dwar il-bżonn li l-assoċjazzjonijiet / federazzjonijiet ibiegħu l-prodott tagħhom permezz tas-siti soċjali. Huwa qal li ‘ ltaqa’ ma’ bosta sportivi li lmentaw li l-medja ma tagħtix każ l-isport tagħhom.’ Madanakollu saħaq li ftit huma dawk l-assoċjazzjonijiet li jżommu lill-medja aġġornata b’dak li qed jiġri fl-entitajiet tagħhom. Fakkar li l-għajta nofs il-bejgħ u tenna li l-kuntatt mal-medja huwa importanti kważi daqs ir-riżultati li jġibu l-entitajiet. Is-Segretarju Parlamentari kompla jispjega kif dan il-proġett għandu jiftaħ orizzonti ġodda għall-entitajiet sabiex jattiraw aktar nies lejn l-isport tagħhom kif ukoll iżommu aġġornati lil dawk kollha interessati fid-dixxiplini diversi fil-gżejjer Maltin.

 

Din hi indikazzjoni li l-preżenza fuq l-internet tgħin biex jiġu rriklamati avvenimenti sportivi u jilħqu firxa oħra ta’ nies li b’mod regolari jkunu preżenti fuq bosta paġni u siti onlajn. Din l-inizjattiva tgħin ukoll billi żżid l-interess sportiv u sservi ta’ mezz biex tressaq aktar individwi isegwu mill-vicin l-avvenimenti sportivi u/jew ikunu parteċipi.

 

Għal aktar informazzjoni żuru s-sit http://www.sportmalta.org.mt/webcheck


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/it-tnedija-tal-progett-webcheck-fi-hdan-is-settur-sportiv/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.