It-Tmien Edizzjoni tat-Tazza Uefa tar-Reġjuni F’Għawdex

Thursday, October 18, 2012, 15:10

Il-Gozo Stadium fix-Xewkija bħalissa qed jospita l-mini turnament ta’ Grupp 5 fir-rawnd intermedjarju tat-tmien edizzjoni tat-Tazza UEFA tar-reġjuni 2013. Din hi l-ewwel darba li turnament marbut ma’ din it-tazza qiegħed jiġi organizzat f’Malta.

 

Il-logħob tal-Grupp 5 f’Għawdex fetaħ nhar il-Ħadd li għadda b’partita bejn Għawdex u Rinuzi/Strong mil-Latvija li spiċċat b’rebħa għal Għawdex bl-iskor ta’ tlieta bi tnejn. Il-logħob se jiġi fi tmiemu nhar il-Ħamis li ġej, b’partita bejn Rinuzi/Strong u l-FC Olimp Moscow. It-timijiet internazzjonali f’dan il-grupp huma t-tim Rinuzi/Strong mil-Latvija, FC Olimp Moscow mir-Russja u ARF Laloveni mill-Moldova. It-tim Għawdxi magħżul mill-assoċjazzjoni tal-Futbol f’Għawdex qiegħed jirrappreżenta lil Malta f’dan it-turnament. Din hija t-tieni darba li għażla tal-GFA qed tirrapreżenta lil Malta fit-Tazza tar-Reġjuni.

 

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono dalgħodu ltaqgħet mal-plejers Għawdxin u Russi, kif ukoll l-uffiċjali rispettivi tagħhom, qabel il-bidu tal-partita li kien imissa tintlagħab fil-Gozo Stadium. Iltaqgħet ukoll ma’ David McDowell, delegat tal-UEFA u ma’ Platon Bozatzidis, osservatur tal-uffiċċjali tal-logħob, li t-tnejn jinsabu Għawdex għat-turnament. Il-Ministru fissret kif minbarra li joffri spettaklu sportiv lid-dilettanti Għawdxin, dan it-turnament iservi wkoll bħala opportunità oħra biex Għawdex ikompli jissaħħaħ bħala destinazzjoni fil-qasam tat-turiżmu sportiv.  Il-Ministru faħħret l-inizjattiva tal-GFA kif ukoll il-kollaborazzjoni tal-MFA li ssarfet f’riżultati pożittivi anke fil-qasam turistiku. Il-parteċipazzjoni ta’ aktar minn mitt parteċipant li ser iqattgħu ġimgħa f’lukandi f’Għawdex ser tkun issarfet f’allokazzjoni ta’ madwar 800 sodda fi żmien meta tonqos d-domanda għall-akkomodazzjoni fuq il-gżira.

 

L-Onor. Giovanna Debono rreferiet ukoll għall-impenn tal-Ministeru għal Għawdex b’risq il-qasam sportiv fil-gżira Għawdxija, li kien strumentali fit-titjib sostanzjali fil-faċilitajiet li joffri dan l-istadium, kif ukoll f’faċilitajiet oħra ta’ diversi klabbs madwar Għawdex. Irreferiet b’mod partikolari għax-xogħol li għaddej bħalissa fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex li jinsab fi stadju avvanzat u li mix-xhur li ġejjin ser jibda joffri ambjent aktar akkoljenti lill-isportivi Għawdxin u dawk kollha li jagħmlu użu minn dan il-Kumpless.

 

Il-Ministru Debono awgurat lit-timijiet kollha b’mod partikolari lit-tim Għawdxi li fl-ewwel logħba tiegħu ta prestazzjoni tajba u kien ta’ unur għal Għawdex f’dan it-turnament internazzjonali. It-tim rebbieħ fil-mini turnament ta’ Għawdex ser ikun qed jipparteċipa fil-logħob finali li ser jintlagħab matul is-sajf 2013.





Leave a comment