It-tieni unur tal-istaġun għal Starlites Naxxar

Saturday, January 23, 2016, 19:51

BANK OF VALLETTA KNOCK-OUT 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Starlites 100

St. Nicholas Suns 57

(18-17)(31-13)(26-16)(25-11)

Starlites rebħu t-tieni unur tal-istaġun meta għelbu lil St. Nicholas Suns 100-57 fil-finali tal-BOV Knock-out. Starlites kellhom wirja mill-aqwa u Suns setgħu biss iżommu l-pass mall-avversarji fl-ewwel sessjoni. Suns kellhom żewġ elementi mportanti neqsin meta kienu mingħajr Louis Camilleri u Roberto Alosco li kien sospiż. Għal Starlites irritornaw Miguel Falzon u Thomas Grech li tilfu l-aħħar partita tagħhom. Starlites kellhom l-aħjar bidu u kellhom trippla ta’ Anthony Schembri u marru 10-4 minn fuq. Suns irrispondew bil-punti ta’ Michael Barberi u Hubert Agius u naqqsu d-distakk u ż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin kontinwament biex id-distakk baqa’ ta punt fi tmiem l-ewwel sessjoni 18-17. Fit-tieni taqsima Starlites bdew iżidu s-superjorita tagħhom meta bdew bi trippla oħra ta’ Schembri u komplew b’run ta’ 12-0 b’diversi punti ta’ Ivan Mitrovic li kien magħżul bħala l-MVP tal-partita. Suns ppruvaw jirrispondu meta kellhom il-punti ta’ Brent Liebe flimkien ma’ Agius però Mitrovic kompla bil-punti tiegħhu flimkien ma’ Clive Schembri biex daħlu jistrieħu 49-30 minn fuq.

Fit-tielet taqsima, Starlites bdew b’sitt punti oħra qabel ma Suns kellhom il-punti ta’ Robert Camilleri. Starlites komplew bi break ieħor qawwi ta’ 16-0 bil-punti ta’ Thomas Grech, Mitrovic u Miguel Falzon. Suns waqqfuhom b’punti konsekuttivi ta’ Keith Scicluna però Mitrovic kompla jżid il-punti ta’ Starlites biex huma temmew it-taqsima 75-46 min fuq. L-aħħar taqsima kompliet bl-istess andament meta Starlites żiedu l-vantaġġ bi break ieħor ta’ 9-0 b’punti ta’ Mitrovic u ż-żagħżugħ Luca Vella. Suns kellhom ħames punti ta’ Liebe bi Starlites iżidu l-vantaġġ b’aktar punti ta’ Grech flimkien ma’ Alec Felice Pace u trippla ta’ Owen Psaila. Huma għaqqdu l-mitt punt bi freethrow ta’ Clive Schembri biex iċċelebraw ir-rebħ tat-tieni unur tagħhom tal-istaġun fuq skor finali ta’ 100-57. Fi tmiem il-partita s-Sur Peter Perotti Chief Executive Officer tal-Bank of Valletta ppreżenta t-trofew lil captain ta’ Starlites Anthony Schembri.

 

Starlites: A. Schembri 12, C. Doublet, L. Vella 3, M. Azzopardi, C. Schembri 10, M. Falzon 7, A. Felice Pace 4, I. Mitrovic 29, J. Formosa, O. Psaila 3, A. Cutajar 4, T. Grech 28.

St. Nicholas Suns: G. Cutajar 4, S. Borg, K. Scicluna 12, H. Agius 19, M. Barberi 3, J.P. Antoncic 8, R. Camilleri 3, R. Camilleri 1, B. Liebe 7.

Referees:  Teemu Helenius, Zvezdan Dobrosaviljevic, Christine Farrugia.

 

Ritratti: BOV Club Facebook: https://www.facebook.com/bovclubmt/?fref=photo





Leave a comment