It-tieni rebħa għal Gżira u l-ewwel waħda ta’ Depiro

Monday, November 25, 2019, 16:42

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 66

Hibernians 63

(20-12)(22-14)(14-20)(12-16)

Gżira Athleta għal ftit ma sofrewx ir-rimonta ta’ Hibernians li rathom

Ritratt: Wally Galea

jiġu lura minn distakk ta’ 22 punt u jippareġjaw fl-aħħar taqsima. Iż-żewġ timijiet kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom fejn din kienet ir-raba’ darba dan l-istaġun li ltaqgħu kontra xulxin fosthom f’żewġ finali b’unur kull wieħed. B’Nathan Xuereb ikompli għaddej mill-mument posittiv tiegħhu, Athleta fetħu tajjeb u marru 10-4 minn fuq bi Xuereb jagħmel 8 punti u basket ieħor ta’ Connell Crossland. Hibs irnexxielhom inaqqsu d-distakk għal basket wara punti ta’ William Ahlberg, Chandler Rowe u Isaac Bonett qabel ma Athleta kellhom żewġ trippli minn Crossland u Luca Stefanovic biex temmew is-sessjoni 20-12 minn fuq. Fit-tieni perjodu Athleta reġgħu bdew b’seba’ punti oħra mingħajr risposta fosthom trippla oħra ta’ Stefanovic. Hibs kellhom risposta permezz ta’ Ivan Demcesen u trippla ta’ Ahlberg però Athleta żammew kontroll hekk kif wieġbu bi three pointer ta’ Shawn Pace u punti ta Xuereb u Crossland biex daħlu jistrieħu 42-26 minn fuq.

Wara l-intervall Athleta dehru li se jkomplu jikkontrollaw il-partita meta saħansitra kabbru l-vantaġġ għal 22 punt 52-30 wara t-tieni trippla ta’ Pace. Hawn però Crossland kellhu jinbidel minħabba l-fouls u din il-bidla rat lil Hibs jidħlu aktar fil-partita hekk kif kellhom il-punti ta’ David Bugeja, Nik Vasovic u Rowe fost l-oħrajn f’run qawwija ta’ 17-2 li għalquha bi trippla ta’ Vasovic u sa’ tmiem il-perjodu naqqsu d-distakk seba’ punti 47-54. Hibs komplew ir-rimonta tagħhom fl-aħħar taqsima u kellhom run ta’ 9-2 bi trippla ta’ Luke Farrugia u għamlu l-iskor indaqs 56-56. Kien hemm trippla fuq kull naħa minn Peter Shoults u Rowe qabel ma’ Athleta kellhom break kruċjali ta’ 7-0 inkluż three pointer mal-buzzer ta’ Stefanovic biex marru 66-59 minn fuq u minkejja l-aħħar sforzi ta’ Hibs b’żewġ baskets ta’ Vasovic ma rnexxielhomx isalvaw il-partita biex Athleta ħarġu rebbieħa 66-63.

Gżira Athleta: E. Sciberras, M. Novakovic 2, C. Crossland 18, S. Pace 8, B. Zammit, P. Shoults 3, L. Stefanovic 11, S. Galea, N. Xuereb 17, I. Thiesen 7, E. Abela, R. Abela.

 

Hibernians: P. Attard, D. Bugeja 18, K. Caruana, L. Farrugia 6, W. Ahlberg 9, I. Bonnett 4, N. Vasovic 9, A. Axiaq 2, M. Matijevic, M. Attard, C. Rowe 11, I. Demcesen 4.

Referees: Gordon Barbara, Luke Camilleri, Zvezdan Dobrosaviljevic

Luxol 70

 

Depiro 87

(13-23)(17-16)(14-23)(26-25)

Depiro kisbu l-ewwel rebħa fil-kampjonat meta għelbu lil Luxol 87-80 fl-ewwel partita ta’ bejniethom dan l-istaġun. Luxol kienu ilhom wieqfa mil-logħob għal żmien twil preċiżament minn meta ġew eleminati mis-Shield diversi ġimgħat ilhu. Depiro użaw sewwa s-saħħa taħt il-boards speċjalment ta’ Marko Todorovic u Michael Naudi fil-waqt li fuq barra serrħu fuq is-shooter ewlieni tagħhom, l-Amerikan Quin Cooper li spiċċa l-partita bi 33 punt. Wara li Luxol għamlu l-ewwel punti tal-partita, Depiro wieġbu bi break ta’ 14-2 biex fetħu l-ewwel distakk mill-avversarji. Luxol kellhom risposta qasira permezz ta Vukassin Jandric però Depiro għalqu s-sessjoni bi break ieħor ta’ 7-2 għal skor ta’ 23-13. Fit-tieni taqsima Luxol kellhom it-trippli ta’ Keith Dimech u Jean Paul Schembri. Depiro kellhom il-punti ta’ Cooper u Adam Chomo li fil-ħin li kien fuq il-court ukoll kellhu kontribut tajjeb biex Depiro daħlu jistrieħu 39-30 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni minkejja li Luxol tħabtu u bdew jipressaw fid-difiża ftit li xejn kienu effettivi għaliex Depiro bdew ikabbru l-vantaġġ li kiber għal 21 punt 57-36. Hawn kien hemm punti fuq kull naħa biex Depiro setgħu jibdew ir-raba taqsima b’vantaġġ komdu ta’ 18 -il punt 62-44. L-aħħar sforz ta’ Luxol rahom inaqqsu d-distakk għal 12 -il punt fil-bidu tal-aħħar sessjoni. Time-out ta’ Julian Naudi ġab lil players tiegħhu f’posthom hekk kif huma reġgħu għamlu run ta’ 17-4 b’diversi punti ta’ Chomo u Cooper. Luxol għalqu l-partita b’sensiela ta’ three pointers minn Schembri flimkien ma’ Francesco Mifsud Bonnici u Dimech li servew biss biex jagħmlu l-iskor aktar rispettabli hekk kif Depiro kellhom żammew vantaġġ tajjeb u rebħu l-partita 87-76

Luxol: L. Trapani, V. Jandric 26, P. Englebert 4, K. Gauchi, L. Trapani, F. Mifsud Bonnici 6, JP Schembri 12, K. Dimech 12, I. Pace 4, E. Caruana Montaldo, S. Cappello 6.

 

Depiro: Q. Cooper 33, M. Naudi 16, D. Farrugia 1, M. Todorovic 17, N. Grech, O. Said 4, K. Xuereb 4, M. Borg, M. Brincat, J. Attard, A. Chomo 13, A. Attard.

Referees: Bernard Vassallo, Sejmir Jafilika, Ivica Simic.





Leave a comment