IT-TIENI RAWND TAL-YAMAHA GOZO MOTOCROSS CHAMPIONSHIP 2017/18

Tuesday, November 14, 2017, 11:19

Nhar il-Ħadd 12 ta’ Novembru 2017, il-Gozo Motocross Association organizzat it-tieni rawnd mill-kampjonat tagħha. Il-kompetizzjonijiet bdew fis-1pm.

L-atmosfera kienet waħda drammatika hekk kif tmintax- il sewwieq ikkompetew flimkien f’atmosfera ta’ emozzjoni u ħafna antiċipazzjoni filwaqt li numru sabiħ ta’ spettaturi segwew l-avveniment b’attenzjoni kbira.

Fi Klassi A rajna lil Etienne Bigeni, ċampjin bejn l-2014 – 2016, jissielet ghall-ewwel post flimkien ma Stefan Dimech u Steve Xuereb kif ukoll Joseph Bigeni u Edward Ciantar. Is-sewwieqa ta’ din il-klassi għamlu ħilithom kollha biex jakkwistaw kemm jistgħu punti. It-tmiem kien wieħed kemmxejn imprevidibbli hekk kif Dimech u Bigeni spiċċaw b’distakk ta’ punt wieħed biss bejniethom, b’dan tal-aħħar jirbaħ it-trofew tal-ewwel post. Fit-tielet post daħal Xuereb filwaqt li Robert Spiteri u Keith Bugeja wkoll kienu sewwieqa f’din il-klassi.

Fi Klassi B, il-Malti Brandon Slowe wera ħila liema bħalha fuq il-mutur tiegħu hekk kif għamel ukoll Nataniel Camilleri. Infatti dawn ukoll spiċċaw b’distakk ta’ punt wieħed  bejniethom,  bi Slowe jidħol l-ewwel segwit minn Camilleri. Warajhom daħal Jorn Stellini segwit mill-qrib minn Joseph Luke Gauci.

Rajna wkoll taqtiegħa interessanti fi klassi Ċ hekk kif Matthew Spiteri, Matthew Buttigieg u Anthony Fenech ukoll issieltu għall ewwel post. Infatti, Buttigieg spiċċa fl-ewwel post segwit minn Fenech u Spiteri rispettivament. F’din il-klassi rajna r-ritorn ta’ Kurt Fenech filwaqt li Steve Cassar, Raymond Caruana u Emma Xuereb ukoll għamlu l-ħila tagħhom.

Ir-rebbieħa tal-ġurnata ngħataw trofej kull wieħed filwaqt li nġabru l-punti għall-kampjonat. Il-GMA tħabbar li t-tielet rawnd ser tkun nhar il-Ħadd 10 ta’ Diċembru 2017.

L-għaqda dejjem tħeġġeġ aktar sewwieqa ġodda biex jingħaqdu magħha ħalli jgawdu dan l-isport li sar ferm popolari fil-gżira Għawdxija.

Għal aktar tagħrif wieħed jista jżur il-paġna ta’ Facebook li hi https://www.facebook.com/gmagozo/





Leave a comment