L-amministrazzjoni tad-Dede investiet erba’ darbiet iktar minn Dr.Mifsud – Antoine Portelli

Saturday, July 21, 2012, 11:55

minn Catherine Micallef

 

Dak li ġara llum kronoloġikament waqt l-AGM 2012

 

Illum is-Sibt 21 ta’ Lulju ġewwa l-lukanda Excelsior fil-Belt Valletta saret it-tieni Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA  taħt l-amministrazzjoni l-ġdida mmexxija mill-President Norman Darmanin Demajo.

9.30am: Il-laqgħa bdiet bi preżentazzjoni  b’tislima lill-membri li ħallew din id-dinja matul din l-aħħar sena.

 

9.35am: Is-Segretarju Ġenerali s-Sur Joe Gauci fetaħ il-Laqgħa billi sejjaħ il-lista tad-delegati kollha li huma ntitolati li jivvutaw matul din il-Laqgħa Ġenerali Annwali.

 

9.45am: Kompla mbagħad il-President tal-MFA billi wera feature qasir li nħadem minn Fr. Hilary bl-isem ta’ “Mill-Ballun taċ-Ċarruta fit-Triq għall-Wembley Stadium”, rakkont ħelu li jieħdok fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija u ta’ kif it-tfal kienu jehdew jilagħbu bil-ballun taċ-ċarruta, sakemm imbgħad bdew imorru l-Empire Stadium isegwu xi logħba.  Mill-ballun taċ-ċarruta spiċċa għall-ballun tal-ġilda u beda jiġi organizzat logħob għat-tfal u żgħażagħ.  L-istorja ta’ Fr. Hilary kompliet bil-ħidma sfiqa kollha li kienet saret  mill-assoċjazzjoni tal-futbol Maltija sal-ġurnata tal-lum fejn qed isir ħafna xogħol man-nurseries.

 

10.06am – Issir l-approvazzjoni tal-minuti tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tas-sena 2011 u eżatt wara approvazzjoni tal-Laqgħa tal-Kunsill li saret fl-20 ta’ Ġunju 2012.

 

10.10am – Rapport Amministrattiv mis-CEO tal-MFA S-Sur Bjorn Vassallo

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-MFA Bjorn Vassallo beda  billi saħaq fuq kemm l-MFA qiegħda tinvesti  fil-grassroots tagħha u sostna dan billi għal darb’oħra ntwera video li wera x-xogħol tal-akkademja tal-futbol  meta kienet impenjata f’tournament li  sar f’Citta Montecairo fuq perjodu ta’ erbat ijiem. It-tim Malti ta’ taħt l-14-il sena rebaħ ħames logħbiet minn sebgħa u ġie t-tlettax-il post minn tnejn u tletin tim.

 

Vassallo beda d-diskors tiegħu dwar ir-Rapport Amministrattiv billi tenna li kienet sena li offriet diversi sfidi l-iktar minħabba l-instabbilta finanzjarja li kien hawn fid-dinja u li laqtet il-futbol fl-Ewropa. L-MFA pero’ ma waqqfitx mill-ħidma tagħha u kellha l-obbligu li tara l-klabbs iktar awtonomi fit-tmexxija tagħhom.  Kienet sena wkoll ta’ tranżizzjoni – tranżizzjoni fl-istruttura  Taċ-Ċentru Tekniku tal-MFA , fil-logħbiet domestiċi, fil-faċilitajiet sportivi, fid-Dipartiment tar-Referees u anki fil-parti legali tal-MFA.

Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-MFA hu li tikkultiva sisien ġodda speċjalment fost iż-żgħażagħ. Għan ieħor huwa dak li jgħollu l-livell tal-futbol f’pajjiżna u mhux jipproduċu plejers iżolati. Pero’ dawn l-objettivi kollha jieħdu ż-żmien neċessarju tagħhom.  L-MFA ma beżgħetx mill-bidla  – bidla li sarrfet f’kostruzzjoni . L-MFA hija ħajja u qed tagħmel minn kollox biex tistabbilixxi identita ġdida u dan kollu jista’ jkun possibli permezz ta’ ħidma sfiqa ta’ kulħadd flimkien.

Bjorn Vassallo kompla: “ Sibna potenzjal u bdejna nħaddmuh!!!” Din il-bidla risjuża ħalliet il-marka tagħha u wara l-istaġun 2011/12  l-MFA tista’ tikkonferma lima ħalliet l-ebda klabb b’telf finanzjarju fit-52 klabb permezz tad-dħul fil-grawnds u sponsorships.  Mill-istaġun ta’ qabel dak bejn 2010/11, l-isponsors żdiedu b’10%.  Vassallo tenna li jekk l-għodda u r-riżorsi jridu jintużaw biex kulħadd igawdi.

 

Imbagħad saret referenza għad-Dipartiment tar-Referees , dipartiment ħaj u li wassal messaġġ ċar: dak tal-promozzjoni taż-żgħażagħ. Hawnhekk issemma t-twaqqif tall-Akkademja tar-Referees taħt id-direzzjoni ta’ Adrian Casha.

 

L-amministrazzjoni tal-MFA ħarset il-valuri b’mod sħiħ speċjalment fejn tidħol il-kriminalita fil-futbol. Hawnhekk Vassallo faħħar ix-xogħol siewi tal-Integrity Officer u l-Prosekutur.  Semma wkoll  il-kunċett  ta’ financial fair play u l-linji gwida li dalwaqt se jsiru fis-seħħ.  Vassallo bi tbissima fuq wiċċu kkonferma li l-MFA lestiet aktar minn 50 proġett li kienet wegħdet fil-bidu tal-amministrazzjoni tagħha u kien hawnhekk li antiċipa lit-teżorier tal-MFA meta kkonferma n-nefqa kapitali li qabżet it-12-il miljun. Fir-rapport amminisrattiv saret referenza wkoll għall-proġetti favur l-ambent  fejn tidħol il-konservazzjoni ta’ enerġija u tnaqqis fl-infiq tal-MFA u kien hawnhekk li sar kliem ta’ ringrazzjament lill-Inġinier Stefan Riolo.  Vassallo temm ir-rapport amministrattiv tiegħu fuq nota pożittiva u li tħares dejjem ’il quddiem lejn aktar proġetti u investimenti fit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.

10.33am – Issir approvazzjoni tar-Rapport Amminstrattiv . Il-membri japprovaw.

 

10.35am: Rapport Finanzjarju mit-Teżorier Antoine Portelli.

 

Antoine Portelli, Teżorier tal-MFA ta spjegazzjoni ċara tar-Rapport Finanzjarju li għalaq fil-31 ta’ Mejju 2012. Is-Sur Portelli għamilha ċara tul id-diskors tiegħu li l-MFA m’għamlitx telf għax meta assoċjazzjoni titfa’ u tinvesti l-flus tagħha fil-klabbs, dan se jidher bħala telf fuq il-bilanċ tagħha.  Portelli beda billi semma ż-żieda fil-profitt mis-sena ta’ qabel kienet dik ta’ €1.43 miljun.  Kien hemm żieda sostanzjali fid-dħul tal-MFA fejn fost l-oħrajn issemmew iż-żidiet fid-dħul tal-MFA  li jinkludu d-dħul tal-UEFA: €1,770,540; iż-żieda fl-ispnsorships: €21,250; iż-żieda fi dħul ieħor: €50,000; iż-żieda f’Complex Income: €17,000 u ssemma wkoll it-tnaqqis ta’ €411,000 mill-FIFA  minħabba li ma kienx hemm għajnuna bħas-sena ta’ qabel mit-Tazza tad-Dinja u t-tnaqqis ta’ €100,000 mill-isponsor uffiċjali tat-tim Nazzjonali – GIVOVA – €100,000 li ‘suppost’ kellhom jingħataw f’ammonti ta’ €50, 000 u €50, 000 u li dawn QATT MA ĠEW!!!

 

Iż-żidiet fin-nefqa fuq is-sena ta’ qabel inkludew il-€280,000 fis-Salarji, il-€200,000 fl-investiment li sar fil-klabbs, il-€101,000 fit-Tim Nazzjonali, €96,000 f’affarijiet oħra u €101,000 f’affarijet straordinarji.

 

Saret ukoll żieda fin-nefqa fid-dipartiment tal-IT fejn is-somma li tinkludi l-iscoreboard, it-ticketing system u l-LED’s telgħet għal €37,000, €16,500 fir-Relazzjonijet Pubbliċi u l-Press, €11,300 fis-segretarjat,€28,2000 fid-Dipartiment tar-Referees u €27,000 fl-amministrazzjoni.

 

Portelli ta wkoll informazzjoni dwar l-Operating Profit li kien ta’ €1,185,540; Capital Contribution: €6,001,708; Interessi mil-loans: €437,246 u l- Expenditure Over Income li jirrifletti l-investiment fil-klabbs: €4, 421,738.

 

Slide partikolari kkonkludiet ir-rapport finanzjarju u kienet tgħid preċiżament dawn il-kelmiet: UNDER THE CURRENT ADMINISTRATION, MFA INVESTED NEARLY €10,000Mln IN CLUBS INFRASTRUCTURE.

 

Portelli temm id-diskors tiegħu billi stqarr li l-għażliet għandhom il-konsegwenzi. L-għażla tal-MFA kienet dik li tonfoq il-flus sabiex tinvesti fil-klabbs u għalhekk dan se jidher bħala tnaqqis fil-Balance Sheet. It-Teżorier tal-MFA sostna li l-MFA mhix organizzjazzjoni li tagħmel il-profitt sew fit-teorija u fir-realta.

Ma setax jonqos li jagħmel paragun bejn l-amministrazzjoni preċedenti taħt it-tmexxija ta’ Dr. Joe Mifsud għall-perjodu tal- bejn 2007 u l-2010 u l-amministrazzjoni attwali immexxija min Norman Darmanin Demajo għall-perjodu ta’ bejn 2010-2012 fejn ikkonferma li l-investiment fil-klabbs taħt l-amminstrazzjoni l-ġdida kien dak ta’ 4 darbiet aktar!!!!

 

Finalment, kwota mill-email li bagħat l-awditur tal-MFA fejn dan qal li l-MFA għandha s-saħħa sabiex timxi ‘l quddiem filwaqt li hija organizzazzjoni li qed taħdem b’għaqal u serjeta!

 

 

11.05: Approvazzjoni tar-Rapport Finanzjarju. Il-membri japprovaw b’mod unanimu.

 

11.10am:  Elezzjoni tal-Membri Ordinarji tal-Kumitat Eżekuttiv għas-Sena 2012/13. It-tliet kandidati li minnhom iridu jiġu eletti tnejn huma: Michael Cutajar, Raymond Micallef u Charles J. Scerri.

 

12.00pm: Ivvutaw 108 membru li minnhom kien hemm 103 vot validu. Jiġu eletti Michael Cutajar (74 vot) u Charles Scerri (65 vot). Mhux elett Raymond Micallef (36 vot).

 

12.15pm: Addizzjonijiet u Alternattivi fl-Istatut tal-Assoċjazzjoni. Fost il-proposti ssemmiet il-Kompetizzjoni tal-FA Trophy fejn minn tnax iridu jiġu erbatax-il tim fl-ewwel round preliminari. Dan minħabba l-fatt li timijet mill-ewwel diviżjoni ma kinux jidħlu f’dan l-ewwel rawnd.

 

12.30pm: Isir l-aħħar diskors ta’ għeluq mill-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo. Dettalji f’rapport ieħor dalwaqt fuq dan is-sit.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 





5 Comments

  1. joe tanti says:

    Dan l-investiment mhux Dr. Mifsud and co bdewh u awtorizzawh? Ghalfejn qed niftaharu bih qisu waqa issa mis-sema?

    [Reply]

  2. cincin says:

    Nispera li wara din il-praspura tal GIVOVA intajruhom min hemm!

    [Reply]

    Markus Reply:

    Veru naqbel mieghek ghax Joe Mifsud kien iffirmah il-kuntratt u dak diga tajjruh siehbi ghax kien beda bil kbir u ghalaq bil pudini. 

    [Reply]

  3. Antoine attard says:

    Administration-wise morna hafna ‘l quddiem, nispera li dan ikun ukoll rifless fil-klabbs, biex jonqsu dawk li ma ghandhomx idejja fl-iffinanzjar.

    [Reply]

  4. max farrugia says:

    Well done sportinmalta

    [Reply]

Leave a comment