- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

It-tieni forum nazzjonali tal-isport

Posted By Sportinmalta On October 27, 2018 @ 12:06 pm In Featured,Other | No Comments

Is-sitwazzjoni tal-isport Malti u l-ħidma li trid issir għal aktar suċċess fil-futur ġew diskussi waqt l-ewwel ġurnata tat-tieni edizzjoni tal-forum nazzjonali tal-isport li bdiet il-gimgħa filgħaxija fil-lukanda The Palace Tas-Sliema.

Fil-jumejn ta’ dan il-forum, uffiċjali u atleti minn organiżazzjonijiet sportivi ewlenin lokali se jkunu qed jiddiskutu bejnithom temi relatati mal-isport filwaqt li jaqsmu ideat u r-realtajiet li jiltaqgħu magħhom fid-dixxiplini rispettivi.

Forum li se jservi ta’ pjattaforma importanti sabiex dawk kollha involuti fl-isport jiddiskutu flimkien, jitgħallmu minn xulxin u jwettqu l-bidliet li hemm bżonn.

F’messaġġ waqt il-ftuħ tal-forum, is-segretarju parlamentari għaz-zagħzagħ, sport u għaqdiet volontarji l-onorevoli Clifton Grima iffoka fuq il-ħidma u l-investiment li qed issir fl-atleti. Qal li l-iżvilupp tal-atleta irid ikun wieħed sħiħ. Tenna li fix-xhur li ġejjien se nkunu qed nieħdu deċiżjonijiet importanti u nsaqqsu lilna nfusna fejn irridu naslu. Jekk irridux nibqgħu nikkompetu biss jew nibdew inġibu r-riżultati. Id f’id mal-federazzjonijiet sportivi trid issir ħidma għal strateġija tal-isport ħalli jibdew jaslu r-riżultati. Meta semma’ l-faċilitajiet sportivi, Dr Grima ħabbar li fost proġetti hemm it-trakka tal-motosport fejn ġie identifikat il-post u issa se tibda l-ħidma sabiex din il-ħolma issir realta’.

Ic-chairman ta’ Sport Malta Dr Luciano Busuttil tkellem dwar is-suċċessi fil-ħidma ta’ Sport Malta f’dawn l-aħħar snin u s-suċċessi li waslu għax Sport Malta għarfet tpoġġi bil-qiegħda u tisma’ lill-federazzjoni u lill-atleti. Semma’ t-tibdil fil-faċilitajiet sportivi u l-iskemi li nħolqu għall-atleti tagħna. Ħidma intiża sabiex iżżid dejjem iktar il-parteċipazzjoni fl-isport.

F’messaġġ min-naħa tiegħu il-kelliem ewlieni għall-oppożizzjoni għall-isport l-onorevoli Ryan Callus tkellem dwar il-bżonn ta’ bidla fil-mentalita’ u l-kultura sportiva f’dan il-pajjiż. Bidla li hemm bżonn issir sabiex innaqqsu r-rata għolja ta’ obeżita’. Qal li din il-bidla trid ssir b’ħidma kollettiva. Sforz li jrid isir ukoll fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport.

L-ewwel tema diskussa fil-forum kienet ir-rwol tal-coaches fl-iżvilupp tat-tfal u ż-żagħzagħ tagħna. Il-kelliema kienet Sheelagh Quinn li għandha esperjenza kbira fis-settur tal-coaching fl-Irlanda. Filwaqt li kull tifel u tifla għandu jkollhom mill-inqas 60 minuta ta’ attivita’ fiżika kuljum, riċerki juru li huma ftit dawk it-tfal li qed ikollhom dan it-tahriġ. Ħin li jonqos malli l-istudenti imorru fl-iskola sekondarja. Sheelagh Quinn tkellmet dwar il-fatt li malli t-tfal jaqbżu l-eta’ ta’ 12-il sena il-parteċipazzjoni fl-isport tonqos b’mod drastiku. Sfortunatament hemm nuqqas kbir ta’ opportunitajiet ta’ attivita’ fiżika u sport fl-iskejjel u huma l-klabbs l-aktar li qed joffru dawn l-opportunitajiet. L-istudji juru li dawk it-tfal li ma jagħmlux xi attivita’ fiżika jgħixu ħames snin inqas minn tfal li jgħixu ħajja attiva, apparti li jkollhom aktar problemi ta’ saħħa. Appellat lill- coaches sabiex dejjem jaħdmu fuq il-ħtigijiet tat-tfal u li jkunu attrezzati u ippreparati sew biex jagħmlu dan. Sheelagh Quinn qalet li t-tfal għandhom ikollhom l-opportunita’ li minn eta’ żgħira jesperjenzaw tipi differenti ta’ sport sabiex wara jkunu jistgħu jagħżlu l-isport li jgħodd għalihom.

Dr Andrew Decelis, lecturer fl-Universita’ ta’ Malta, tkellem dwar ir-rwol tal-ġenituri fl-iżvilupp sportiv ta’ uliedhom. Qal li filwaqt li hemm ġenituri li jinvolvu ruħhom ħafna hemm oħrajn li ma tantx jappoġġjaw jew jagħmlu kuraġġ lill-uliedhom. Dr Decelis saħaq dwar l-importanza li ġenitur jitkellem mat-tfal dwar l-involviment tagħhom fl-isport. Huwa importanti li t-tfal mhux biss li jieħdu pjaċir iżda li jinsistu u jirnexxu. Madanakollu kull ġenitur irid joqgħod attent li bl-imġieba u l-aġir tiegħu ma jnaffarx lit-tfal mill-isport. Pressjoni żejda twassal għal ansjeta’u stress. U dan iwassal sabiex l-istess tfal ma jħossuhomx aktar komdi, ma jieħdux aktar pjaċir u jispiċċaw biex jieqfu milli jipprattikaw l-isport. Saħaq ukoll dwar l-importanza ta’ komunikazzjoni pożittiva bejn il-ġenituri u l-coaches dwar x’inhu l-aħjar għat-tfal.

Segwew żewġ sessjonijiet ta’ informazzjoni u diskussjoni.

L-akkademji offruti minn Sport Malta ġew diskussi minn Robert Portelli, kap tal-programmi u Charlene Attard, koordinatur tekniku fi ħdan Sport Malta. Akkademji li dejjem qed jikbru, tant li llum il-ġurnata qed joffru taħriġ u servizz lil madwar 400 atleta f’sitt dixxiplini sportivi differenti. L-għan tagħhom hu li tiżdied il-kwalita’ tat-taħrig u s-servizz offrut lill-atleti tagħna. Il-ħidma ssir b’mod konġunt bejn Sport Malta u l-assoċjazzjonijiet sportivi. Permeżż ta’ dawn l-akkademji kull assoċjazzjoni qed tingħata għajnuna li tvarja bejn faċilitajiet, apparat, servizz ta’ fiżjoterapija jew psikoloġika kif ukoll opportunita’ ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet barra l-pajjiż.

Min-naħa tiegħu Dr Chris Bonett, konsulent fi ħdan is-segretarju parlamentari għaż-żagħagħ, sport u għaqdiet volontarji mexxa diskussjoni fuq il-kriterji li hemm bżonn sabiex klabbs lokali jkunu jistgħu jitmexxew b’mod professjonali. Dr Bonett qal li l-erbgħa pilastri sabiex klabb ikun professjonali huma l-amministrazzjoni tal-klabb, il-finanzi, l-infrastruttura u l-livell ta’ coaching. Fir-rigward ta’ finanzi huwa importanti ta’ kif jiġu amministrati u anke t-trasparenza fil-mod ta’ kif kull klabb jirrapporta l-infiq u d-dħul tiegħu.

Il-forum nazzjonali tal-isport ikompli s-sibt filgħodu fejn se jiffoka fuq l-isfidi li atleti jiffaċċjaw fil-karriera tagħhom u anke r-rwol tal-media sportiva lokali.

 

 

 

 

 

 

 

 


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/it-tieni-forum-nazzjonali-tal-isport/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.